Lokali Parlament

Il-PN konsistenti kontra l-abort u favur il-ħajja

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-PN konsistenti kontra l-abort u favur il-ħajja.

Fil-parlament Robert Cutajar qal li l-PN dejjem kien konsistenti favur il-ħajja u din hi stipulata fl-istatut; il-ħajja hi mill-bidu tal-konċepiment. Hu fakkar fid-dikjarazzjoni ta’ Chris Fearne meta qal li tmien ċelloli m’humiex ħajja u sostna li d-deputati Laburisti li huma kontra l-abort mhux se jkollhom il-kuraġġ jitkellmu.

Il-PN hu l-uniku forza politika li se jivvota favur il-ħajja, sostna Robert Cutajar, li qal li l-PN se jibqa’ jitkellem favur il-ħajja. Id-deputat Nazzjonalista kompla li sitt għaqdiet qed jappoġġjaw l-emenda tal-gvern u li ddikjaraw li din hi emenda favur l-abort.

Hu semma’ kif l-Avukat tal-Istat qed jiddikjara li Prudente qatt ma kienet fil-periklu tal-mewt u qal li l-gvern għandu jgħid ma min tkellem u ddjaloga dwar din l-emenda.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-akkademiċi huma nies lil hinn mill-politika u sostna li l-akkademiċi qed jiddikjarw li din l-emenda hi l-bidu biex jiddaħħal l-abort fil-pajjiż. Hemm deputati Laburisti li huma skomdi b’din il-liġi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-gvern m’għandux mandatt li jdaħħal id-divorzju fil-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ lill-President ta’ Malta George Vella u qal li l-President Vella iħaddan valuri. Hu qal li kieku fil-Kabinet Laburista kien hemm il-President George Vella u l-President Emeritu Marie Louise Coleiro din il-liġi ma kinitx titressaq.