Internazzjonali

Il-vittmi ta’ Ischia jitilgħu għal 8

Filmati xokkanti jixhdu dak li għaddew minnu fl-aħħar sigħat in-nies fil-gżira ta’ Taljana Ischia….  Dan wara li  niżlu 155 millimetru xita fi spazju ta’ ftit sigħat.

Sa issa huma tmienja l-vittmi konfermati wara t-traġedja li laqtet lil din il-gżira fi tmiem il-ġimgħa. Dan filwaqt li għadha għaddejja tfittxija għal ħames persuni oħra li għadhom neqsin.

It-tminn vittma – li huwa raġel – instab mis-servizzi ta’ emerġenza kmieni t-Tnejn filgħodu.

Bħalissa, is-sitwazzjoni hija ġirja kontra l-ħin. Tant li mal-membri tal-Protezzjoni Ċivili ngħaqdu wkoll mijiet ta’ volontiera li qed jgħinu kif jistgħu; b’uħud qed ineħħu t-tajn anke b’idejhom stess.

L-aktar zona milquta minn din il-valanga kienet Casamicciola, fejn ‘il fuq minn 230 persuna jinsabu bla dar.

Il-ħsarat lill-vetturi huma inkalkulabbli, b’diversi jispiċċaw imfarrkin fiz-zona viċin il-kosta inkella nofshom mgħarrqin fil-baħar…fosthom, kien hemm saħansitra xarabank tat-turisti.

Fl-operazzjoni ta’ salvataġġ bħalissa hemm mal-160 ħaddiem u fis-sigħat li ġejjin mistennija aktar għajnuna, inkluż mir-regjuni tal- Lazio u l-Puglia.

It-Tlieta se tkun qed issir laqgħa importanti fejn il-ħaddiema tas-salvataġġ se jkunu qed jingħataw struzzjonijiet ġodda dwar kif se tkompli din l-operazzjoni.

Sadanittant, l-awtoritajiet Taljani qed jitolbu lin-nies biex jibqgħu kawti u kemm jista’ jkun ma jġibux fuqhom periklu għalxejn. Infatti l-awtoritajiet qed iħeġġu lin-nies biex jibqgħu fid-djar tagħhom, hekk kif il-maltemp f’diversi zoni qed jippersisti.