Lokali Parlament

Illejla l-Parlament ser jibda jiddiskuti d-dħul tal-abort f’pajjiżna kif irid Robert Abela

Robert Abela m’għandux mandat elettorali biex idaħħal l-abort f’pajjiżna

Illejla l-Parlament ser jibda jiddiskuti l-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu ser jidħol l-abort f’pajjiżna kif irid Robert Abela. Dan hu tipiku ta’ Prim Ministru li m’għandu l-ebda rispett lejn il-valur tal-ħajja mill-konċepiment sal-aħħar nifs.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Prim Ministru u l-Membri Parlamentari kollha eletti f’isem il-Partit Laburista m’għandhomx mandat elettorali biex idaħħlu l-abort f’pajjiżna. Qabel l-elezzjoni Robert Abela kien jgħid li hu kontra l-abort u issa qed jgħid u jagħmel il-kontra billi b’qerq u b’għaġġla kbira jrid ibiddel il-liġi ta’ pajjiżna biex jidħol l-abort.

Robert Abela qiegħed jabbuża mill-kariga tiegħu ta’ Prim Ministru meta b’emenda qarrieqa għall-Kodiċi Kriminali qed iddaħħal l-abort f’pajjiżna minflok jipprovdi ċertezza legali u protezzjoni għan-nisa tqal, it-trabi fil-ġuf u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa f’każ meta jkun meħtieġ intervent biex tiġi salvata l-ħajja tal-omm li tkun tinsab f’periklu ċar.

Il-Membri Parlamentari kollha tal-Partit Nazzjonalist diġà ddikjaraw li huma kontra d-dħul tal-abort f’pajjiżna u ser ikunu qed jivvutaw kontra l-liġi kif irid jibdilha Robert Abela. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed pubblikament isejjaħ lill-Maltin u Għawdxin kollha li jemmnu fil-valur tal-ħajja mill-konċepiment sal-aħħar nifs, sabiex isemmgħu leħinhom kontra d-dħul tal-abort f’pajjiżna billi jinsistu mar-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament biex ma jivvutawx favur dak li jrid Robert Abela.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan hu mument ta’ prova għall-poplu Malti u Għawdxi li qed jiġi msejjaħ sabiex iwaqqaf lil Robert Abela milli jdaħħal l-abort f’pajjiżna.