Janet Richard u Jeremy Zammit kienu ppremjati bħala atleti tas-sena wara sensiela ta’ prestazzjonijiet tal-ogħla livell matul l-aħħar xhur. Huma rċivew l-ogħla unur tal-assoċjazzjoni waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni li saret il-Ħadd filgħaxija. Għal dan l-istaġun, Athletics Malta introduċiet sistema ġdida, fejn ippremjat l-atleti fuq bażi tal-avveniment preferut tagħhom, biex b’hekk aktar atleti kienu premjati fil-kategoriji rispettivi tagħhom.
Il-long-jumper Jeremy Zammit (Pembroke Athleta) beda s-sena b’riżulat eċċellenti f’din id-dixxiplina, fejn kiser rekord nazzjonali wara 17-il sena b’qabża ta’ 7.73m. Dan ir-riżultat fantastiku bena fuq kisbiet tas-sena ta’ qabel fejn Zammit sar l-ewwel atleta Malti fil-kategorija tiegħu li wasal sal-finali kemm tal-Kampjonati Dinjija kif ukoll dawk Ewropej Under 20.
Grazzi għal dawn ir-riżultati u r-ranking globali u Ewropew tiegħu, Zammit kiseb borża ta’ studju prestiġjuża fid-D1 University ta’ Auburn fl-Istati Uniti, fejn huwa se jkompli wkoll bl-istudji tiegħu.
Janet Richard, ta’ Pembroke Athleta żammet it-titlu ta’ Atleta tas-Sena għat-tieni sena konsekuttiva b’rekord nazzjonali impressjonanti fl-400m, fejn saret l-ewwel mara Maltija li niżlet taħt il-54 sekonda fuq din id-distanza. Hija kienet qed tikkompeti fil-Kampjonati Ewropej fi Munich, Ġermanja fejn kisbet ħin ta’ 53.49s. Richard kienet parti minn rekord nazzjonali ieħor, din id-darba mat-tim tar-relay tal-4x100m, b’ħin ta’ 45.59s miksub fil-Logħob tal-Commonwealth li saru f’Birmingham matul is-Sajf li għadda.
Din l-atleta żagħżugħa kisbet ukoll żewġ midalji tad-deheb għal Malta fil-Kampjonati Ewropej tal-Pajjiżi ż-Żgħar (CSSE 20220 li saru f’pajjiżna, fejn rebħet l-400m u kienet parti mit-tim rebbieħ tar-relay.
Athletics Malta premjat ukoll numru ta’ atleti oħra fil-kategoriji tal-etajiet differenti. Ir-rebbieħa jinkludu lil Claire Azzopardi (Pembroke Athleta), rebbieħa tal-midalja tad-deheb fil-long jump u fl-iSwedish relay fis-CSSE 2022, u Beppe Grillo li fl-istess avveniment rebaħ żewġ midalji tal-fidda, fil-100m kif ukoll fir-relay.
Ir-rebbieħa kienu jinkludu wkoll numru ta’ atleti li matul is-sena li għaddiet kisru rekords nazzjonali fosthom Dillon Cassar (Mellieha AC), Bradley Mifsud u Mireya Cassar (Pembroke Athleta) kif ukoll Matthew Galea Soler (La Salle AC), li sar l-ewwel Malti li qatt rebaħ midalja fil-Logħob tal-EYOF, apparti numru ta’ rekords fl-età tiegħu li kiseb matul din is-sena.
//= $special ?>