Lokali Qorti

Joseph Muscat ma jitfaċċax il-Qorti f’kawża ta’ libell li fetaħ hu stess għax nesa jinforma lill-Qorti li se jkun imsiefer

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ħela l-ħin tal-Qorti meta kellha titkompla l-kawża ta’ libell għad-danni li huwa stess kien fetaħ kontra l-avukat Christian Grima għax nesa jinforma lill-Qorti li kien se jkun imsiefer. Għaldaqstant il-każ kellu jiġi differit wara li Muscat naqas milli jidher fil-Qorti it-Tnejn filgħodu.

F’każijiet bħal dawn isiru riskors li normalment jiġu milqugħa biex il-persuna ma tattendiex u l-kawża tiġi differità. Fil-Qorti kellu jsir il-kontro-eżami ta’ Muscat u l-avukat tiegħu Pawlu Lia spjega li nesa’ jagħmel rikors biex jindika li Muscat kien se jkun imsiefer.

Il-Maġistrat Victor Axiak li quddiemu qed jinstema’ l-każ qal li jekk Joseph Muscat ma jidhirx għas-seduta li jmiss, il-Qorti se jkollha tieħu l-passi neċessarji. L-avukat Carl Grech li qed jidher għal Grima staqsa għalfejn Joseph Muscat ma joqgħodx attent u jara li ma jkollux appuntamenti oħra meta ssir is-seduta.

Joseph Muscat kien fetaħ kawża ta’ libell għad-danni f’Mejju tal-2021 l-oħra meta l-Avukat Grima qal fuq Facebook li Muscat “sploda lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia”. Minkejja li kemm -il darba qal li ma jemminx fil-libelli għax jemmen fil-libertà tal-espressjoni anke meta din tkun offensiva jew skorretta, qal li din “il-gidba” ma setgħetx tibqa’ għaddejja għax inqabżet il-linja. Il-kawża ġiet differita għat-30 ta’ Jannar li ġej.