Lokali Qorti

L-akkużat ta’ qtil involontarju f’bar fil-Qawra u l-vittma kienu ħbieb

Żewġ xhieda fil-każ każ ta’ David Busuttil ta’ 59 sena, mir-Rabat sid il-Munchies Bar, li jinsab mixli bil-qtil involontarju ta’ Roger Dudley-Ward, Ingliż ta’ 60 sena, li hekk kif allegatament kien imbuttat u miet wara li waqa’ fit-taraġ tal-ħanut tax-xorb waqrt argument, qalu fil-Qorti li Busuttil u Dundley-Ward kienu ħbieb.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Carmel Frendo u Barbara Anne Jones quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke. L-ewwel ma xehed kien Frendo li qal li kien qed jagħraf fl-awla lil sieħbu David. “Ilni naf lilu għal żmien pjuttost twil kemm ilu bil-bar tiegħu Munchies. Naf ukoll lil Roger Dudley kemm ilni Malta u kien ħabib tiegħi wkoll.

“Huma kellhom relazzjoni tajba. Kont narahom fil-bar, meta l-Ingliż kien imur jixrob xi darbtejn fil-ġimgħa. Jien ma kontx hemm dakinhar tal-inċident”, qal ix-xhid. Wara xehdet Barbara Anne Jones li wkoll għarfet lil David Busuttil fl-awla fejn tenniet li ilha tafu madwar tliet snin u nofs u saret tafu mill-Munchies ukoll.

“Jien kont nagħmel xi xogħol hemmhekk u naf wkoll lil Roger Dudley Ward permezz tal-partner tiegħi u ġieli tkellimt miegħu wkoll. Kien ikun hemm ta’ spiss. Ir-relazzjoni bejn David u Dudley kienet waħda ta’ ħbiberija, qalet ix-xhud, li wkoll qalet li dak tal-inċident ma kinitx hemm. Tenniet li l-pulizija riedu ċ-ċwievet u li kien tagħatomlhom.

David Busuttil jinsab mixli wkoll li dak inhar fis-17 ta’ Ġunju fis-1.30am. ikkawża ferita gravi, li pprova jħassar il-provi u li kiser il-paċi pubblika. Huwa kienet ingħata l-pleġġ ħames t’ijiem biss wara li tressaq il-Qorti akkużat bi qtil involontarju. Nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Novembru ftit tal-ħin ftit qabel ma kellha tibda l-kawża, Busuttil kien ittieħed Mater Dei mill-Qorti, wara li ma bedhiex iħossu f’sikktu fiżikament tant li kellu jittieħed l-isptar f’ambullanza mill-awla 10 fejn qed jinstema’ l-każ tiegħu.

Għal Busuttil qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb. Il-kumpilazzjoni mistennija tkompli nhar it-Tnejn 9 ta’ Jannar.  Il-Prosekutur Abigail Caruana Vella qed tidher f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Ispettur Ryan Vella qed imexxi l-prosekuzzjoni.