Atletika Sport

Matthew Xuereb u Jemima Farley iżommu l-ewwel post fit-tliet stadji tal-Malta International Challenge Marathon

It-30 edizzjoni tal-Malta International Challenge Marathon intemmet f’kundizzjonijiet ta’ temp b’riħ qawwi u xita hekk kif l-atleti ħadu sehem fl-aħħar stadju f’ tellieqa ta’ 21km, li kienet l-aħħar stadju tal-avveniment mifrux fuq tlett ijiem.
Matthew Xuereb f’ 2 sagħtejn 35 minuta u 37 sekonda u Jemima Farley f’2 sagħtejn 38 minuta u 58 sekonda kisbu rebħiet li ma kienux sorpriza hekk kif kienu fuq quddiem tul it-tliet stadji ta’ din it-tellieqa unika.
Clive Ferrante u George Said, spiccaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament u żammew il-pożizzjonijiet li kisbu fl-ewwel tappa tat-tellieqa.

Intant fil-kategorija tan-nisa, Cliantha Yasenchack żammet it-tieni pożizzjoni ġenerali tagħha għat-tielet darba. Nicola Camilleri spiccat fit-tielet post meta temmet ukoll fit-tielet post fit-tellieqa ta’ 5 km tal-ġurnata ta’ qabel.
Ħadu sehem bosta atleti barranin, mill-Olanda, Ġermanja u l-Istati Uniti. Preżenza notevoli fost l-atleti kien Charles Darmanin li ta’ 68 sena temm it-30 Challenge Marathon tiegħu, wara li kien preżenti għall edizzjonijiet kollha li saru.
It- trofej lir-rebbieha kif ukoll dawk tal-gruppi skond l-eta’ kienu ppreżentati mill-President tal-Club Ray Grech .

Is-Segretarju Ġenerali tal-Birkirkara St Joseph Sports Club, Euchar Camilleri esprima s-sidisfazzjoni tiegħu għan-numru ta’ partecipanti li ħadu sehem u l-livell milħuq.