Lokali Qorti

Ordnat iħallas €22,500 lill-eks martu b’rabta mal-komunjoni tal-akkwisti

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ordnat raġel li biex iħallas lill-eks mara tiegħu s-somma  ta’ €22,500 bħala sehma mill-ammont li huwa rċieva mingħand Smart City Malta Limited bħala riżultat ta’ tilwima tax-xogħol li kien hemm bejnu l-kumpanija fejn kien jaħdem.

L-Imħallef Christian Falzon Scerri laqa’ talba oħra tal-mara, dik li tillikwida u tikkundanna lir-raġel sabiex iħallasha bħala danni, bl-imgħax b’kollox ta’ 8% fuq is-somma ta’ €22,500, b’seħħ mid-19 ta’ Jannar, 2017 sad-data tal-ħlas effettiv.

Il-mara ippreżentat l-ewwel rikors maħluf quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) fit-22 ta’ Mejju, 2020, fejn fissret li hi divorzjata minn minn ma’ żewġha. Qalet li waqt li kienet għaddejja l-kawża relatata fost ħwejjeġ oħra mal-ħall u mal-qsim tal-komunjoni tal-akkwisti, hija saret taf li l-eks raġel tagħha kien irċieva xi flejjes mingħand Smart City Malta Limited minħabba l-waqfien tal-impjieg tiegħu.

Qalet li hija ppruvat tiġbor nofs dan l-ammont permezz ta’ appell fejn din qablet magħha li hija għandha tieħu nofs dan l-ammont, madankollu l-istess Qorti tal-Appell minflok tatha nofs dan l-ammont fil-proċeduri, mexxietha biex tiftaħ kawża oħra biex jiġi likwidat l-ammont kollu li għandha tieħu.

Qalet li hija għalxejn talbet lill-eks żewġha biex iħallasha nofs l-ammont li rċieva mingħand Smart City Malta Limited għaliex iħallasha. Qalet ukoll li minħabba dewmien f’dan il-ħlas, hija ġarrbet danni.

Irriżulta li fl-4 ta’ Frar, 2015 ir-raġel ddepożita f’kont bankarju tiegħu s-somma ta’ €45,000   li huwa kien irċieva b’ċekk tat-23 ta’ Jannar, 2015. Dan il-fatt sar magħruf wara li xehdet rappreżentanta ta’ Smart City Malta Limited, li qalet li l-ammont ta’ €45,000 tħallas lil dan l-eks impjegat sabiex tingħalaq tilwima li kien hemm għaddejja quddiem it-Tribunal Industrijali dwar it-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili qalet li kif indikat mill-Qorti tal-Appell fis-sentenza tal-31 ta’ Mejju, 2019, ir-raġel xehed il-falz meta ħeba l-fatt li huwa kien laħaq ftehim ma’ Smart City Malta Limited dwar it-transazzjoni u qal minflok li l-każ quddiem it-Tribunal Industrijali kien għadu għaddej.

Li kieku qal il-verità u xehed li rċieva s-somma mingħand Smart Cirty Malta Limited, nofs is-somma li kienet dovuta lill-attriċi kienet tinqasam mill-ewwel fil-proċeduri tal-firda personali.

Iżda għażel li jixhed il-falz u b’hekk żgwida mhux mhux biss lill-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) iżda anke lill-eks martu li ma kellhiex mod li tkun taf mill-ewwel li huwa kien tħallas minn Smart City Malta Limited.

Għalhekk kienet ix-xiehda falza tar-raġel li żamm lill-mara milli tieħu mill-ewwel, fil-proċeduri tal-firda personali, nofs is-somma mħallsa minn Smart City Malta Limited. Skont l-artikolu 106 tal-Kodiċi Kriminali l-isperġur fi proċeduri ċivili huwa reat kriminali.

Ifisser dan li l-konvenut ma jistax iqajjem il-preskrizzjoni tas-sentejn imsemmija fl-artikolu 2153 tal-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta ladarba d-danni mitluba mill-attriċi jinsabu mnissla minn imġieba li jista’ jikkostitwixxi reat.

Huwa minnu, qalet il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li mill-atti ta’ din il-kawża, ma jirriżultax li huwa ġie ddikjarat ħati ta’ sperġur minn qorti kriminali. Dan iżda ma jbiddel xejn mill-fatt li huwa ma jistax isib wens fl-artikolu 2153 tal-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta.

L-Imħallef Fazlon Scerri finalment qal li ladarba l-mara qiegħda tingħata raġun fit-talbiet kollha tagħha u l-eks żewġha qed jingħata tort, huwa xieraq li l-ispejjeż ġudizzjarji li għandhom x’jaqsmu mal-kawża, għandhom jitħallsu kollha minnu.

B’żieda ma’ dan, din il-qorti tqis li l-kontestazzjoni mressqa minnu f’din il-kawża kienet waħda għal kollox fiergħa u vessatorja. Ir-raġel, wara li nqabad jigdeb, ma kellux għalfejn iħalli ssir din il-kawża la kellu ordni mill-Qorti tal-Appell biex iħallas nofs is-somma li rċieva minn Smart City Malta Limited. Iżda  mhux talli ma qagħadx mal-ordni tal-Qorti tal-Appell, iżda talli baqa’ jinki lill-eks mara billi ma jħallashiex.

Din ir-rieda ħażina tiegħu waslet anke biex ħela l-ħin ta’ din il-Qorti, li kellha toqgħod tokkupa ruħha minn din il-kawża minflok taħdem fuq kawżi oħra. Minħabba f’hekk il-qorti sejra tipprovdi dwar dan fil-kap tal-ispejjeż qiegħda tikkundannah billi jħallas lir-Reġistratur tal-Qrati Ċivili u Tribunali spejjeż addizzjonali ta’ elf ewro €1,000.