Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Rebħa importanti għall-Ghana kontra l-Korea t’Isfel

(Ritratt: EPA)

Korea t’Isfel 2-3 Ghana

Il-Korea t’Isfel irnexxielhom jirkupraw żewġ gowls żvantaġġ fit-tieni taqsima iżda gowl fit-68 minuta ta’ Mohammed Kudus ta’ tliet punti importanti lill-Ghana li ttellahom momentarjament fit-tieni post b’punti ndaqs mall-Portugall li jridu jilagħbu llejla kontra l-Urugwaj

Il-Ghana fetħu l-iskor fl-24 minuta permezz ta’ Mohammed Salisu li mill-viċin għeleb lil Seung-Gyu Kim. Għaxar minuti wara l-Afrikani rduppjaw meta minn kross ta’ Jordan Ayew kien Mohammed Kudus li bir-ras ma żbaljax u tefa’ lil Għana 2-0 minn fuq, skor li bih intemmet l-ewwel taqsima.

Il-Korea t’Isfel fit-tieni taqsima dehru aktar organizzati u fit-58 minuta daħlu lura fil-partita meta minn kross ta’ Lee Keang-In kien Cho Gue-Sung li bir-ras għeleb lil Ati-Zigi. Għaddew biss tliet minuti u l-istess plejer ġab il-gowl tad-draw għall-Korea t’Isfel b’din id-darba l-kross jasal mingħand Kim Jin-Su u simii għall-ewel gowl Gue-Sung tefa’ ġewwa b’daqqa ta’ ras wara li għola fuq kulħadd.

Mandankollu il-Koreani ma damux igawdu dan il-gowl hekk kif fit-68 minuta l-Ghana reġgħu marru fil-vantaġġ permezz tal-plejer ta’ Ajax Mohammed Kudus li għaqqad doppjetta personali u ta tliet punti importanti lill-Ghana.