Internazzjonali Lokali

Roberta Metsola tirrifjuta li tmur il-Qatar… determinata li tibqa’ tiddefendi d-dritt tal-ugwaljanza

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rrifjutat stedina għal żjara fil-Qatar. Dan sabiex tiddefendi l-libertajiet u l-ugwaljanza ta’ kull ċittadin f’dan il-pajjiż.

F’intervista li saritilha waqt il-programm ‘Che Tempo Che Fa’ li jixxandar fuq l-istazzjon Taljan RAI, Roberta Metsola għamlet referenza għal dak li għaddej fl-Iran fil-konfront tan-nisa, fejn saħqet li l-Unjoni Ewropea trid tkun ukoll viċin ta’ dawn in-nisa… nisa kuraġġużi li jridu jiddefendu l-libertà tagħhom. 

Hi tkellemt ukoll dwar il-piż tal-inflazzjoni, b’Roberta Metsola tghid li hija responsabbiltà politika tal-Unjoni Ewropea li ssib soluzzjonijiet sabiex iċ-ċittadini Ewropej kemm jista’ jkun ma jbatux. Dan fid-dawl tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja u l-kriżi tal-enerġija li qed tiddomina l-pajjiżi Ewropej kollha.

Dwar ir-relazzjonijiet mar-Russja, Roberta Metsola qalet li r-Russja trid tassumi responsabbiltà għal dak li qed iseħħ filwaqt li m’għandux ikun hemm iktar rikatti. 

Mistoqsija dwar l-immigrazzjoni, il-President tal-Parlamenet Ewropew qalet li tispera li jinstabu soluzzjonijiet u kull pajjiż Ewropew jieħu responsabbiltà għat-telfien tal-ħajjiet. 

Dwar il-Gvern ġdid Taljan immexxi minn Giorgia Meloni, hija qalet li fil-laqgħa li kellha magħha tkellmu fuq numru ta’ suġġetti fosthom dwar l-irwol tal-Italja fl-Unjoni Ewropea hekk kif l-Italja minn dejjem kienet fiċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea u hekk se tibqa’.