Lokali Qorti

Sigmund Mifsud u r-raġel ħati ta’ fastidju sesswali, ftehmu biex igiddbu u jxewxu lin-nies kontra l-vittma

Il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali u r-raġel li ammetta li wettaq atti ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol ftehemu u kkomplottaw biex igiddbu lill-vittma biex xejn ma jkun żvelat. Fost messaġġi ta’ Sigmund Mifsud lill-ħati dawn kienu jgħidu ‘issa xogħolna huwa li nxewxu nies kontriha’. 

Sadanittant Sigmund Mifsud kien jgħid lill-vittma ta’ fastidju sesswali biex tħassar ir-ritratti tar-raġel li kien jibgħatilha l-messaġġi u ritratti oxxeni, liema raġel jaħdem mal-istess Orkestra u li ammetta fil-Qorti dawn ir-reati. Sigmund Mifsud kien jgħid lill-vittma li kien se jieħu azzjoni.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Gabriel Micallef meta kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Sigmund Mifsud – eks kandidat Laburista – li qed jiġi mixli li pprova jaħbi l-evidenza b’rabta ma’ fastidju sesswali li dam sejjer tliet snin bil-vittma tispiċċa ssofri minn dipressjoni qawwija kaġun ta’ fastidju, tant li l-mara kellha titlaq mix-xogħol.

Ix-xhud qal: “kull min kellimna fuq il-post tax-xogħol qalilna li Sigmund Mifsud qalilhom li aħjar iwaqqfu dawn ir-rapporti u li qalilhom ukoll li min se jitkellem issa, anke jekk kien jaf qabel u ma tkellimx, se jiġi meqjus bħala kompliċi. Hemm chats u video messages bejn il-ħati ta’ fastidju sesswali u Sigmund fejn jikkomplottaw biex igiddbu lil vittma.

Il-kumpilazzjoni qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, li għas-seduta tat-Tnejn ma kinitx fl-awla imma segwit il-każ bil-video conference fejn instemgħet ma tiflaħx. L-Ispettur Gabriel Micallef qal li huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu rapport dwar fastidju sesswali li sar minn impjegat li jaħdem fl-istess post.

Huwa beda jinvestiga u bgħat għall-vittma u staqsieha kienx hemm aktar affarijiet li ma xtaqitx tgħid fir-rapport u biex tgħid fuq dak li għaddiet minnu. Qaltlu li l-harassment beda minn dan ir-raġel li kien moħħu biex jagħmillha massaġġi f’daharha u li jibqa’ nieżel sa ftit qabel il-warrani.

Qaltu li ma kinitx tkun komda. L-ewwel darba qaltlu li kienet qed titgħarrax forsi jieqaf u drabi oħra kienet twaqqfu. Kien jgħidilha li jagħmillha dawn il-massaġġi għax għandha posture ħażina. Kien hemm avveniment li fih ir-raġel qabdilha l-warrani u baqa’ sejjer.

Ix-xhud qal li skont il-vittma waqt farewell party il-ħati ta fastidju sesswali lil din il-mara li kienet liebsa flokk biċ-ċingi u wara li qagħad jitkellem u jgħaddi l-kummenti fuq il-parti ta’ fuq ta’ ġisimha, tefagħlha xi ħaġa li lanqas taf x’kienet u li laqatha fuq sidirha biha.

Lix-xhud kienet qaltlu li lill-akkużat kienet urietu ritratti u messaġġi li dan kien jibgħatilha fuq il-mobile, li s-CEO qalilha biex tħassarhom u li kien se jieħu azzjoni hu.  L-Ispettur Micallef qal: “bdejna nkellmu nies li jaħdmu hemm (ma’ l-Orkestra Nazzjonali) u ndunajna li minħabba rapporti li għamlet il-vittma, Sigmund Mifsud kien qed jagħmel xi laqgħat biex iwaqqaf ir-rapporti li kienu għaddejjin.

Il-vittma bagħtet l-ittra tar-riżenja lil Sigmund Mifsud u lil Reuben Sammut li huwa l-Kap tar-Riżorsi Umani. Reuben qal li kellem lil Sigmund (li kien għadu ma rax l-ittra tar-riżenja) u Sigmund Mifsud qallu biex ma jibgħat xejn lil perm sec qabel ma jkellimha one to one.

Biżżejjed provi biex Sigmund Mifsud jitpoġġa taħt att ta’ akkuża

Il-Qorti sabet li hemm biżżejjed evidenza biex il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika (MPO) Sigmund Mifsud jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.. Wara li raġel, impjegat mal-Orkestra Nazzjonali, ammetta każ ta’ fastidju sesswali fuq kollega tiegħu, aktar kmieni dan ix-xahar kien tressaq il-Qorti Sigmund Mifsud. Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li Mifsud organiżża meetings mal-mużiċisti u mal-amministrazzjoni tal-orkestra b’rabta mal-każ ta’ Manager, li huwa wkoll mużiċist, li kien ammetta fil-Qorti li wettaq atti mmorali fuq kollega mużiċista.

Sigmund Mifsud qed jiġi mixli wkoll li bejn ix-xahar ta’ Mejju 2019 u Novembru 2022, uża vjolenza morali u psikoloġika u dan sabiex inaqqas mill-abbilita’ tal-persuna jew jiżolaha, anke fejn jidħol impieg. Li bl-aġir tiegħu kkawża lill-vittma ta’ fastidju sesswali, biża li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha u li ma ħallihiex tagħti tagħrif jew provi meħtieġa f’kawża kriminali jew ċivili, bil-ħsieb li ma jinħarġux provi kontra min wettaq ir-reat.

L-eks membru tal-Orkestra li instab ħati ftit jiem ilu kien jokkupa kariga għolja. Hu ġie kundannat sena ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li għal aktar minn tliet darbiet ta fastidju sesswali lill-mużiċista, bil-vittma tkun tfajla ta’ 27 sena u li kienet taħdem fl-istess orkestra.

Il-ħati li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti, għandu 31 sena u residenti r-Rabat, Għawdex.  Huwa ammetta l-akkużi miġjubin kontrih – dik li bejn Mejju 2019 u Settembru 2022, iffastidja lit-tfajla… li ġab ruħu b’mod li jaf li kien qed iwettaq dan ir-reat.

Huwa ammetta wkoll li ssoġġetta lill-vittma għal atti ta’ intimita’ fiżika anke bil-fomm u li dawn jikkonsistu f’atti ta’ konnotazzjonijiet sesswali, ikkunsidrati bħala offensivi, umiljanti, degradanti jew intimidatorji lejha. Minbarra sentenza sospiża, l-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-ħati għal perjodu ta’ ħames snin.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għal perjodu ta’ tliet snin fejn Sigmund Mifsud ma jersaqx lejha jew b’xi mod jikkomunika magħha. Fil-każ ta’ Sigmund Mifsud il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetur Kevin Pulis u Gabriel Micallef. Għall-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali qed jidhru l-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Shawn Zammit. Il-kumpilazzjoni se tkompli fil-5 ta’ Jannar fid-9.30am.