Internazzjonali

Żewġ ġuvintur jinqatlu b’sikkina f’Londra

Żewġ ġuvintur li għandhom sittax-il sena nqatlu kiesaħ u biered b’daqqiet ta’ sikkina fil-belt ta’ Londra.

Il-pulizija ġew mgħarrfa li l-attakkati seħħew lejn ix-Xlokk ta’ Londra s-Sibt li għadda għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar, wara numru kbir ta’ rapporti minn residenti li jgħixu fil-viċinanzi fejn seħħ dan il-qtil.

Iż-żewġ ġuvintur li kienu maqtula ġew identifikati bħala Kearne Solanke u Charlie Bartolo. S’issa għadu mhux magħruf x’kienet ir-raġuni għala dawn iż-żewġ ġuvintur inqatlu b’mod daqstant krudili.

Id-ditektiv Richard McDonagh stqarr li jidher li ż-żewġ qtil huma marbutin ma’ xulxin. Mill-investigazzjonijiet li saret irriżulta li l-qattiel kien qiegħed isuq karozza tat-tip SUV. Filfatt ftit tal-ħin wara kien arrestat ġuvni ta’ sittax-il sena b’rabta ma’ dan il-każ.

Ammont sostanzjali ta’ żgħażagħ taw il-kondoljanzi tagħhom lill-qraba taż-żewġ ġuvintur billi poġġew fjuri fuq il-post fejn inqatlu, kif ukoll bużżieqa ħamra b’forma ta’ qalb bħala turija ta’ ammirazzjoni lejhom.