Internazzjonali

Iċ-Ċina: Tfittxija għal dimostranti li protestaw kontra l-Gvern komunista

In-nies li attendew l-aħħar protesti kontra l-miżuri riġidi li qed ikunu imposti minħabba l-Covid qed ikunu kuntattjati mill-pulizija. Dan meta l-Gvern Ċiniż komunista mill-ġdid qed jeżerċita l-ponn tal-ħadid fil-konfront taċ-ċittadini li esprimew opinjoni li tmur direttament kontra d-diktat tar-reġim f’Beijing.

Fil-fatt, numru ta’ residenti f’Beijing żvelaw li rċevew it-telefonati mingħand il-pulizija li talbuhom jispjegaw fejn kienu qegħdin waqt li kienu għaddejjin l-aħħar protesti fil-kapitali u bliet oħrajn. Ma akienx magħruf kif il-pulizija setgħet sabet l-indentitajiet tan-nies inkwistjoni – bl-awtoritajiet tas-saħħa fiċ-Ċina qed iżidu l-isforzi biex ilaqqmu liċ-ċittadini anzjani kontra l-Covid.

Iċ-Ċina, fl-aħħar jiem, irreġistrat l-ogħla inċidenza ta’ każi ġodda tal-Covid. Dan meta, fi tmiem il-ġimgħa, eluf ta’ Ċiniżi kienu ħarġu fit-toroq biex jinsistu għal tmiem tar-restrizzjonijiet – inkluż il-lockdown – fost l-għajjat biex il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, iwarrab mit-tmexxija.

Madankollu, ma saritx protesta oħra pjanata għall-aħħar sigħat fil-belt ta’ Shanghai wara li l-pulizija ċirkondaw iz-zona fejn kellhom jiltaqgħu d-dimostranti. Saru diversi arresti oħra fl-inħawi, bil-President Xi ma jidhirx li għandu jnaqqas mill-kriterji tal-lockdown.

Id-dimostrazzjonijiet bdew wara li mietu numru ta’ nies fost in-nirien li ħakmu bini f’Urumqi, lejn il-Punent taċ-Ċina. Dan fost indikazzjonijiet li l-vittmi kienu jsalvaw li kieku ma kenitx għall-‘intransiġenza’ tal-awtoritajiet komunisti.

Sadanittant, l-uffiċjali komunisti qed jevitaw milli jwieġbu mistoqsijiet jekk il-protesti għandhomx iwasslu għal bidla fir-regoli tal-Gvern – li, min-naħa tiegħu, qed jittama li jelimina kull ħjiel ta’ Covid fil-pajjiż.