Lokali Parlament

Il-gvern irid idaħħal waħda mill-iktar liġijiet miftuħa favur l-abort

Mark Anthony Sammut, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal fil-parlament li l-gvern irid idaħħal waħda mill-iktar liġijiet miftuħa favur l-abort.

Mark Anthony Sammut qal li l-gvern hu mimli kontradizzjonijiet bejn id-deputati Laburisti dwar dan l-abbozz u sostna li l-PN hu konsistenti li jipproteġi l-ħajjiet kollha. Hu staqsa jekk il-gvern irid li fil-każ bħal ta’ Prudente jkun jista’ jsir abort.

Jekk iva, allura l-gvern irid li jsir abort meta l-ħajja tal-omm ma tkunx fil-periklu u allura l-Prim Ministru gideb meta qal li l-liġi mhu se tibdel xejn milli diġà jsir. Jekk le, allura din il-liġi mhix mibnija fuq il-każ ta’ Prudente u allura anki hawn il-Prim Ministru gideb.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li f’kull ċirkostanza l-Prim Ministru gideb. Hu kompla li l-gvern qed juża r-riforma tal-kannabis bħala eżempju biex jikkonvinċi; dan meta din ir-riforma falliet tant li ż-żgħażagħ spiċċaw marru għand it-traffikanti.

L-uniku ċertezza li hawn hi li l-kelma tal-Prim Ministru ma tiswa xejn għaliex il-Prim Ministru kien iddikjara li hu kontra l-abort f’kull ċirkostanza meta dan mhu minnu xejn.

Id-deputat Nazzjonalista qal li deputati Ingliżi kitbu lill-gvern Malti u qalulu li l-emenda hi l-istess bħal dik li biha ddaħħal l-abort fir-Renju Unit. Dan qaluh ukoll il-media internazzjonali kif ukoll 81 akkademiku. Kulħadd f’Malta qed jaqbel li l-gvern se jdaħħal l-abort.

Hu fakkar kif Helena Dalli kienet ammettiet li l-gvern tmejjel bil-poplu u sostna li l-gvern m’għandux kuraġġ li jgħid li jrid idaħħal l-abort. “Għal darba kunu konvinti minn dak li qed tgħidu”, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li f’Malta se tkun qed iddaħħal abort fl-iktar stadji avvanzati ta’ tqala.

Mark Anthony Sammut qal li Prudente kellha 16-il ġimgħa tqala u staqsa x’jiġri f’każ ta’ 23 ġimgħa tqala u jekk l-abort ikunx jista’ jsir. Skont l-babozz, l-abort ikun jista’ jsir, sostna Mark Anthony Sammut, li qal li din hi waħda mill-iktar liġijiet miftuħa għall-abort.