Lokali Parlament

Il-gvern jerġa’ jfixkel lill-PAC biex ma jkomplix jixhed Konrad Mizzi; li jibqa’ jevita milli jwieġeb

Il-membri tal-gvern fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) ivvutaw biex laqgħa li fiha kien qed jixhed Konard Mizzi tkun sospiża sakemm isiru ċertu verifiċi dwar jekk kinx hemm ftehim bejn il-membri tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni.

L-ex Ministru Konrad Mizzi kellu jkun ix-xhud fis-seduta tal-lum tal-PAC biex ikompli jixhed dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas. Hekk kif id-deputat Nazzjonalista u Chairman tal-PAC Darren Carabott beda jagħmillu diversi mistoqsijiet, id-deputati Laburisti Glenn Bedinfield u Andy Ellul oġġezzjonaw għal dawn il-mistoqsijiet u sostnew li Konrad Mizzi kellu jixhed biss fuq il-kuntratt li ma kinx pubblikat u ma kinx preżentat lill-Kummissjoni Ewropea.

Għal dawn oġġezzjonw id-deputati Nazzjonalisti Darren Carabott, Graham Bencini u Rebekah Borg li sostnew i l-iskop tal-gvern kien li Konrad Mizzi jevita milli jitħalla jixhed.

Fil-bidu tal-laqgħa d-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li issa Konrd Mizzi m’għadux deputat u għalhekk m’għandux dritt li ma jweġibx mistoqsijiet.

Darren Carabott staqsa jekk fil-kuntratt tal-14 April 2015 hemmx klawsola li biha l-poplu kien se jagħmel tajjeb mit-taxxi tiegħu jekk l-Electrogas ma tkomplix bir-responsabbiltà li tħallas. Għaliex inħeba mill-Kummissjoni Ewropea dan il-kuntratt? staqsa Darren Carabott lil Konrad Mizzi.

L-ex Ministru Laburista Konrad Mizzi qal li dan seħħ għaliex ma kienx każ ta’ għajnuna mill-Istat u m’għandux dettalji dwar dan.

Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield talab is-sospensjoni tal-laqgħa għax oġġezzjona għall-mistoqsijiet li Darren Carabott beda jagħmel lil Konard Mizzi.

Id-deputat Laburista qal li kien qed jitlob vot u sospensjoni tas-seduta sakemm ikun hemm verifika tat-traskrizzjoni tal-laqgħa li fiha saret talba biex jerġa’ jissejjaħ Konrad Mizzi rigward dak li l-Oppożizzjoni qalet li kienet informazzjoni ġdida.

Hu sostna Knrad Mizzi kellu jerġa’ jixhed biss fuq din l-informazzjoni ġdida relatata mal-kuntratt tas-security of supply.

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-gvern kien qed jagħti gambetti lill-Kumitat biex il-verità ma toħroġx. Dan hu abbuż mill-gvern biex isikket lill-Oppożizzjoni milli tagħel il-mistoqsijiet dwar l-Electrogas. Hu sostna li fil-bidu kien aċċettat li jsiru mistoqsijiet ġeneriċi.

Il-Whip Laburista Andy Ellul qal li l-gvern ma kinx qed jaqbel ma’ din il-pożizzjoni.

Il-Kumitat ħa vot fejn l-erba’ membri tal-gvern voti ivvutaw li l-laqgħa tkun sospiża u t-tlieta tal-Oppożizzjoni ivvutaw kontra l-mozzjoni tal-gvern. Għalhekk il-Kumitat kien sospiż sakemm issir il-verifika u Konrad Mizzi waqaf jixhed. Il-Kumitat kien sospiż.

Wara s-sospenzjoni, il-kumitat reġa’ ltaqa’.

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li kien ivverifika t-traskrizzjoni ħlief li Konrad Mizzi jerġa’ jinġieb quddiem il-Kumitat u għalhekk se jkompli bil-mistoqsijiet. Darren Carabott qal li l-Gvern kien qed jibża’ mill-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni u jibża’ li toħroġ il-verità.

Id-deputat Laburista Alex Muscat qal li l-gvern m’għandux problema li Konrad Mizzi jkompli jixhed iżda se jaraw li ma jkunx hemm ħela ta’ ħin ta’ dan il-kumitat.

Id-deputat Nazzjonalista Rebekah Borg qalet li mit-traskrizzjoni jirriżulta li ma kien l-ebda ftehim u għalhekk dak li qal Alex Muscat meta kkwota biss parti mit-traskrizzjoni hu biss tentattiv biex il-PAC jkun żgwidat. Il-ftehim bejn iż-żewġ naħat kien li jinġieb jixhed Konrad Mizzi, sostniet Rebekah Borg.

Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield qal li issa l-pożizzjoni tal-Gvern hi li ma jittellgħux iktar xheda li diġa xehedu. Il-Whip Laburista Andy Ellul qal li l-Gvern mhux se jaċċetta xhieda li diġà xehedu fil-PAC.

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-Oppożizzjoni ma taqbilx ma’ dan.

Il-membri tal-Gvern riedu li jittieħed iżda fil-fatt ma marrux għall-vot.

Meta reġa’ ssejjaħ u kien mistoqsi kif kienu magħżula l-membri tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni fosthom Brian Tonna, Konrad Mizzi qal li issa għadda ż-żmien.

Hu kien imfakkar li l-ex Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Louis Giordimaina kien qal fil-PAC li kien Konrad Mizzi li rrakkomanda lil Brian Tonna u David Galea fl-Kumitat ta’ Evalwazzjoni.

“Ma naħsibx li qal hekk… irrid nara t-transkrizzjoni ta’ dak li qal Louis Giordimaina. M’għandix x’inżid ma dak li diġà weġibt. Ma nafx!”, sostna Konrad Mizzi, li baqa’ jinsisti li ma jridx iwieġeb.

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li aktar kmieni fil-PAC ma kinx wieġeb għal din il-mistoqsija u għalhekk issa jista’ jwieġeb. X’inhi d-diffikultà li twieġeb dwar Brian Tonna u David Galea? staqsa Darren Carabott lil Konrad Mizzi.