Lokali Parlament

Il-liġi favur l-abort tmur kontra l-Kostituzzjoni

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal fil-parlament li l-liġi tal-gvern li biha se jdaħħal l-abort se tmur anki kontra l-kostituzzjoni li tispeċifika li ħadd ma jista’ jieħu l-ħajja ta’ ħaddieħor.

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li dan l-abbozz qed tintroduċi formlament l-abort f’Malta u sostna li kollox beda bil-każ ta’ Prudente fejn wara 200 sena ta’ protezzjoni legali lit-tarbija, lill-omm u lill-professuri jiġu żewġ turisti li vvjaġġaw 20 siegħa biex mill-Istati Uniti tal-Amerika jiġu f’Malta għall-uniku raġuni biex il-mara tgħid li t-tobba Maltin ikkalpestawlha ġisimha.

Hu qal li ma kienx hemm periklu għall-ħajja u mhux ċert kienx hemm periklu għas-saħħa.

Id-deputat Nazzjonalista qal li mhux minnu li l-gvern qed jiddefendi d-drittijiet tan-nisa u semma’ li f’ċirkostanzi ta’ fastidju sesswali l-vittmi nisa ma kinux protetti.

Adrian Delia qal li ħadd ma jrid li t-tobba Maltin ikunu mxekkla milli jsalvaw il-ħajjiet iżda l-ebda liġi m’għandha tippermetti li tkun terminata l-ħajja.

Hu sostna li l-gvern issa jrid li bla raġunijiet, għal kull raġuni li teffettwa s-saħħa tal-mara jsir abort. Il-Gvern m’għandux l-onestà morali li jgħid li jrid idaħħal l-abort.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-mediċi qed jiddikjaraw li jridu kjarezza iżda m’hemmx bżonn li din il-liġi tkun introdotta.

Dwar il-kostituzzjoni, Adrian Delia qal li din tispeċifika li ħadd m’għandu jieħu l-ħajja ta’ ħaddieħor u sfida lill-gvern biex jiddikjara meta tibda l-ħajja. Hu qal li l-ħajja tibda fil-ġuf u qal li dawk li jaqblu ma’ dan għandhom jifhmu li se jivvutaw biex dik it-tarbija tinqatel.

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia semma’ lill-President ta’ Malta u qal li din il-liġi tal-abort se tkun tebgħa sewda ħafna fuq il-pajjiż iktar mill-inċidenti tat-traffiku għaliex il-pajjiż se jitneżża’ mir-ruħ tiegħu. Hu appella lid-deputati biex jaqraw il-liġi u jaraw kif il-kliem terminazzjoni tat-tqala jfisser abort.