Lokali

Il-PN kommess li jmexxi b’politika reali minflok b’politika tal-kliem biss

“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ kommess li jaħdem favur kull Maltin u Għawdxi biex jassigura li l-ebda persuna ma taqa’ lura jew tkun fi żvantaġ għas-sempliċi raġuni li jkollha xi kundizzjoni.”

Kienet din il-wiegħda li saret mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt żjara li għamel liċ-Ċentru tal-Awtiżmu f’Malta ġewwa l-Mosta. Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed imexxi b’politika reali li tindirizza l-isfidi li wieħed jgħaddi minnhom ta’ kuljum minflok politika tal-kliem biss.

Il-moħħ wara dan iċ-ċentru, Melvin u Yanika Attard spjegaw kif għal madwar 60 persuna, huma joffru sessjonijiet varji addattati kemm għat-tfal, żgħażagħ u saħansitra adulti. Huma rrikonoxxew il-fatt li m’hemmx studju ta’ kemm hawn persuni bl-awtiżmu f’pajjiżna, bl-għaqda tgħid li tixtieq li l-Gvern jikkonsulta iktar magħhom dwar il-bżonnijiet li hemm sabiex ikunu jistaw jikkontribwixxu iktar.

Matul din iż-żjara, il-Kelliem tal-PN, Ivan Bartolo ppreżenta lil din l-għaqda numru ta’ rigali biex jingħataw lit-tfal għall-Milied… inizzjattiva li qed issir għal din is-sena minnu stess fejn s’issa diġa’ ġabar mas-600 rigal li qed jitqassmu lil tfal f’diversi setturi.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kelliema għall-Ugwaljanza u d-drittijiet tat-tfal, Graziella Attard Previ u l-Kelliema għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Graziella Galea.