Lokali Parlament

Is-saħħa mentali m’għandhix tintuża bħala skuża biex jiddaħħal l-abort

Rebekah Borg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Rebekah Borg appellat biex is-saħħa mentali ma tintużax bħala skuża biex jiddaħħal l-abort.

Fil-parlament Rebekah Borg appellat lid-deputati Laburisti biex ma jbigħuhx ruħhom għall-voti iżda jaħsbu fir-raġunijiet għaliex daħlu fil-politika.

Hi appellat biex ikunu fuq in-naħa tal-istorja u sostniet id-diskussjoni mhux se tieqaf ma’ dan l-abbozz; diskussjoni iva iżda qtil qatt.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-fetu hu bniedem ħaj u sostniet li anki l-Knisja espremiet tħassib li l-att ta’ Malta jista’ jkun bħal dak tar-Renju Unit fejn il-liġi hi interpretata b’mod liberali.

Rebekah Borg qalet li l-bniedem hu ħaj mill-konċepiment u sostniet li din mhix kwistjoni reliġjuża iżda waħda tad-drittijiet tal-bniedem. Hi sostniet li l-ebda omm jew professjonist ma ttellgħu l-qorti meta kien hemm it-terminazzjoni tat-tqala. Il-każ ta’ Prudente qed jintuża mill-gvern waqt li l-Avukat tal-Istat ikkonferma li Prudente qatt ma kienet fil-periklu li titlef ħajjitha.

Id-definizzjoni ta’ ‘saħħa’ hi waħda miftuħa li tinkludi anki l-aspetti ekonomiċi u soċjali u għalhekk hi miftuħa għall-interpretazzjoni. 98% tal-abort fir-Renju Unti saru minħabba riskju għas-saħħa mentali rapportati min-nisa.

Kienu 0.05% biss l-abort li saru min-nisa fir-Renju Unit minħabba periklu għas-saħħa u periklu għall-ħajja tan-nisa. Il-gvern ma ddefinixxiex it-terminu ‘saħħa’, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li enfażizzat li s-saħħa mentali m’għandhiex tintuża bħala skuża biex jiddaħħal l-abort.