Ekwador 1-2 Senegal
B’rebħa ta’ 2-1 fuq l-Ekwador, is-Senegal għamluha mal-aħħar sittax hekk kif spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp A.
L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet mis-Senegal wara biss tliet minuti meta Idrissa Gueye qabeż plejer fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu mar barra.
Ħames minuti wara reġgħu kienu s-Senegal fuq l-attakk din id-darba permezz ta’ Boulaye Dia li x-xutt tiegħu wkoll mar barra.
Bis-Senegal bla dubju jkunu l-aħjar tim, fit-42 minuta ngħataw penalty meta Piero Hinciapie deher iwaqqa’ lil Ismaila Sarr fil-kaxxa bl-istess plejer inkariga ruħu mill-11-il metru u ma żbaljax biex għeleb lil Galindez u tefa’ lis-Senegal fil-vantaġġ. Tmiem l-ewwel taqsima 1-0 favur is-Senegal.
Fit-tieni taqsima, fit-68 minuta l-Ekwador irnexxielhom iġibu l-gowl tad-draw permezz tal-plejer ta’ Brighton Moises Caicedo li tefa’ ġewwa minn korner wara pass ta’ Felix Torres.
Madankollu l-Ekwador ma’ damux igawdu dan il-goal hekk kif żewġ minuti wara kien Kalidou Koulibaly li mill-viċin għeleb lil Galindez biex reġa tefa’ lis-Senegal minn fuq b’dan ir-riżultat ikun finali sa tmiem il-partita.
//= $special ?>