Internazzjonali

Ix-Xatt tal-Punent: Aktar Palestinjani maqtula fil-ġlied mal-Iżraeljani

Talanqas tliet Palestinjani nqatlu mill-qawwiet ta’ Iżrael waqt inċidenti separati fix-Xatt tal-Punent. Dan meta qed tiżdied dejjem aktar it-tensjoni fir-reġjun bejn l-Armata Iżraeljana li qed tokkupa x-Xatt tal-Punent u l-gruppi lokali tal-militanti Palestinjani.

Tnejn mill-aħħar vittmi kienu aħwa li nqatlu waqt l-isparaturi mat-truppi Iżraeljani viċin il-belt ta’ Ramallah. Il-militar ta’ Iżrael qal li l-Palestinjani inkwistjoni kienu waddbu l-bombi tal-petrol lejn it-truppi li kienu għaddejjin bir-ronda fl-inħawi u bis-suldati, imbagħad, jisparaw għal fuqhom,

It-tielet Palestinjan tilef ħajtu fi sparatura oħra mas-suldati Iżraeljani wara li żewġ jeeps tal-Armata żviluppaw il-problemi waqt li viċin ta’ Hebron.

Kelliema għall-Armata Iżraeljana qalu li s-suldati tagħhom ma provokawx l-inċidenti u kienu kostretti li jisparaw fuq l-aggressuri wara li sfaw attakkati.

Il-qawwiet Iżraeljani, bħalissa, qed imexxu sensiela ta’ rejds fix-Xatt tal-Punent bil-ħsieb li jarrestaw il-militanti Palestinjani. Ir-rapporti qalu li, din is-sena, inqatlu mal-140 Palestinjan fl-inħawi – ħafna minnhom fost l-isparaturi mal-Iżraeljani.