Sport Waterpolo

Karl Izzo elett President ġdid tal-ASA

(Ritratt: Catriel Farrugia)
Jieħu post Joe Caruana Curran li kien ilu fit-tmexxija mill-2010

Artiklu: Stewart Said

Karl Izzo ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-ASA waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret illejla. Izzo kien l-uniku kontestant wara li Joe Caruana Curran irtira n-nomina tiegħu ftit mumenti qabel il-bidu tal-Laqgħa Ġenerali Annwali.

Caruana Curran kien ilu fit-tmexxija tal-ASA mill-2010 u fl-era tiegħu, it-timijiet nazzjonali tal-waterpolo għamlu progress kbir fir-riżultati miksuba filwaqt li nkisru għadd ta’ rekords fl-għawm u sar titjib fl-għawm sinkronizzat.

Il-waterpolo spikka fost l-oħrajn minħabba t-tim nazzjonali tal-irġiel li kkwalifika erba’ darbiet konsekuttivi għall-Kampjonat Ewropew. Dan minbarra n-numru ta’ parteċipazzjonijiet fil-Kampjonati Ewropej taż-żgħażagħ u l-ħolqien mill-ġdid tal-kampjonat tan-nisa u tat-tim tan-nazzjonali tan-nisa.

Izzo li għandu 53 sena għandu esperjenza vasta fil-waterpolo. Minbarra l-karriera ta’ plejer b’mod partikolari ma’ Sliema u mat-tim nazzjonali, Izzo kellu karriera ta’ suċċess bħala kowċ.

Wara esperjenzi bħala kowċ fil-livell taż-żgħar u assistent kowċ, Izzo mexxa bħala kowċ tal-ewwel tim lil Sirens u San Ġiljan qabel fl-2013 ġie magħżul mill-istess Joe Caruana Curran bħala l-kowċ nazzjonali Malti. Minn dakinhar inkisbu riżultati mill-aqwa fil-waterpolo fosthom ir-riżultat fil-Kampjonat Ewropew tas-sajf li għadda meta Malta kisbet l-14-il post.

Fl-aħħar jiem, Izzo ħabbar il-programm ta’ ħidma tiegħu li issa mistenni jibda jaħdem fuqu f’dan l-ewwel mandat tiegħu ta’ tliet snin. Il-ħatra ta’ Karl Izzo tfisser ukoll bidla fit-tmexxija teknika tat-timijiet nazzjonali.