Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-Ingilterra jridu jtejbu l-prestazzjoni li kellhom fl-aħħar partita

(Ritratt: EPA)

GRUPP B – 20:00 – IRAN V STATI UNITI

Fl-Al Thumama Stadium, f’partita oħra minn Grupp B, l-Iran se jiltaqgħu kontra l-Istati Uniti, f’partita deċiżiva għal min minnhom se jkun qed jgħaddi mill-grupp. Wara r-rebħa sorpriża fuq Wales, l-Iran jinsabu ottimisti li jistgħu jagħtu telfa wkoll lill-Istati Uniti li minn naħa tagħhom se jkunu qed jaghmlu minn kollox biex jiksbu l-punti meħtieġa biex jagħmluha barra mill-grupp. Hekk kif erba’ snin oħra se jkunu huma li jospitaw l-akbar avveniment kalċistiku, ż-żgħażagħ Amerikani se jkunu qed iħarsu li javvanzaw aktar f’din il-kompetizzjoni, b’Christian Pulisic, Timothy Weah u Tyler Adams, mistennija li jkollhom prestazzjoni pożittiva, jekk iridu li jagħmluha mal-aħħar sittax.

GRUPP B – 20:00 – WALES V INGILTERRA

Fil-partita tal-ġurnata, fl-Ahmed bin Ali Stadium, Wales se jaffrontaw lil Ingilterra, f’partita importanti għaż-żewġ timijiet. L-Ingilterra jridu reazzjoni wara d-draw deludenti ta’ 0-0 kontra l-Istati Uniti, fejn minkejja li jinsabu fl-ewwel post tal-grupp b’4 punti, posthom mal-aħħar sittax għadu mhux garantit. Southgate kien fiċ-ċentru tal-kritika għall-għażla tal-plejers fil-partita kontra l-Istati Uniti, fejn bosta kkritikaw il-fatt li ma lagħbx lill-midfielder ta’ Man City, Phil Foden. Min-naħa l-oħra, għal Wales xejn inqas minn tliet punti ma jkun biżejjed biex ikollhom tama li jagħmluha barra minn Grupp B, wara t-telfa mhux mistennija kontra l-Iran. Il-kowċ Rob Page se jkun qed jittama li plejers ta’ esperjenza fosthom Gareth Bale u Aaron Ramsey jkollhom prestazzjoni aħjar minn dik kontra l-Iran, jekk iridu li jagħmluha għall-fażi li jmiss.