Internazzjonali

L-Istati Uniti: Ammissjoni rari dwar l-attakk fuq Chris Rock waqt l-Oscars

L-attur Amerikan Will Smith tkellem b’mod skjett dwar il-mument meta hu attakka lill-preżentatur Chris Rock waqt l-aħħar Serata tal-Oscars u  fisser l-inċident bħala wieħed ‘dovut għar-rabja li kienet ilha tbaqbaq fih’. Id-daqqa ta’ ħarta fuq il-palk tad-Dolby Theatre, f’Los Angeles, kienet l-aktar mument drammatiku fl-istorja tal-Academy Awards u Will Smith, waqt intervista fuq Talk Show popolari, fisser il-lejla inkwistjoni bħala ‘terribbli u xokkanti’

Will Smith deher ħerqan li jitkellem wara l-inċident ta’ Marzu u fejn spjega lil Trevor Noah, il-preżentatur ta’ The Daily Show, li hu kien għaddej minn żmien diffiċli li bl-ebda mod ma seta’ jiġġustifika l-aġir tiegħu fil-konfront ta’ Chris Rock. Fl-istess ħin, Will Smith fisser li ċ-ċirkustanzi għalih, dak iż-żmien, bħala kumplikati u li wasslu biex hu ‘jitlef il-kontroll’ waqt il-lejla tal-Oscars.

It-telespettaturi madwar id-dinja kienu raw il-mument meta Smith tela’ fuq il-palk waqt l-award ceremony ta’ Hollywood u ta d-daqqa ta’ ħarta lil Rock, li hu komiku famuż. Dan wara li hu Rock kien iċċajta dwar in-nuqqas ta’ xagħar ta’ Jada Pinkett Smith, il-mara ta’ Will Smith, li tbati minn kundizzjoni magħrufa bħala alopecia.

Intant, Will Smith qed jipprova jispjega li r-rabja li kellu fih wasslitu għal dak il-mument waqt li jammetti li l-aġir tiegħu kkaġuna xokk kbir fis-sala u madwar id-dinja.

Din hi l-ewwel darba li Smith kien imġiegħel jitkellem pubblikament dwar l-attakk fuq Chris Rock u li minħabba fih spiċċa projbit milli jattendi Serata tal-Oscars għal perjodu ta’ għaxar snin,. Smith kien mar fuq it-Talk Show ta’ Noah biex jippromwovi l-film ġdid tiegħu bl-isem ‘Emancipation’ li se jkun eliġibbli għall-premjazzjonijiet tal-Oscar ta’ din is-sena.