Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-Olanda bl-aktar logħba faċli tal-grupp u b’sieq ġewwa mal-aħħar sittax

(Ritratt: EPA)

GRUPP A – 16:00 – OLANDA V QATAR

Fl-Al Bayt Stadium l-Olanda, immexxija mill-kowċ Louis Van Gaal jiltaqgħu kontra l-Qatar, f’dik li se tkun partita bi skop differenti għaż-żewġ timijet. Għal Qatar din se tkun l-aħħar partita tagħhom f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, fejn minkejja l-avvanzi kbar li għamlu fl-aħħar snin, fil-qasam tal-isport u l-futbol, il-livell tat-tim, meta mqabbel mal-pajjiżi l-oħra f’din l-edizzjoni hu kemxejn medjokri. Min-naħa l-oħra l-Olanda, b’sieq waħda fir-rawnd tal-aħħar sittax, iridu punt minn din il-partita. Madanakollu, tliet punti minn din il-partita jistgħu jiggarantixxu lill-Olanda l-ewwel post.

GRUPP A -16:00 – EKWADOR V SENEGAL

Fil-Khalifa International Stadium l-Ekwador se jaffrontaw lis-Senegal, f’taqtiegħa bejn iż-żewġ timijiet li qed jaspiraw li jagħmluha għall-fażi tal-aħħar sittax, flimkien mal-Olanda.

Wara t-telfa fl-ewwel partita is-Senegal irreaġixxew b’rebħa ta’ 3-1 fuq il-pajjiż li qed jospita t-Tazza tad-Dinja, l-Qatar.

Min-naħa l-oħra l-Ekwador salvaw draw ta’ 1-1 kontra l-Olanda, b’Enner Valencia jerġa’ jikseb il-punti għat-tim tiegħu bit-tielet gowl tiegħu f’din l-edizzjoni fil-Qatar.  Olanda v Qatar