Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-Olanda jispiċċaw l-ewwel fi Grupp A b’rebħa fuq il-Qatar

(Ritratt: EPA)

Olanda 2-0 Qatar

Kif kien mistenni qabel bdiet il-kompetizzjoni, l-Olanda ma’ ddiżappuntawx u spiċċaw l-ewwel fi Grupp A wara rebħa ta’ 2-0 fuq il-Qatar biex huma qatgħu passaġġ għal mal-aħħar sittax tat-Tazza tad-Dinja

Erba’ minuti logħob u Daley Blind għall-Olanda jikkonkludi wara taħwida taħt il-lasti tal-Qatar bil-goalkeeper iwettaq save mill-isbaħ u jċaħħad lill-Oranje minn gowl kmieni fil-partita. Fl-14-il minuta Memphis Depay jipprova xutt akkrobatiku iżda l-ballun għadda għoli.

L-Olanda marru minn fuq wara 26 minuta permezz ta’ Cody Gakpo li b’xutt mill-viċin tefa’ lill-Olandiżi fil-vantaġġ b’dan ikun it-tieni gowl tiegħu fil-kompetizzjoni. L-ewwel taqsima għalhekk intemmet 1-0 favur it-tim immexxi minn Louis van Gaal.

L-Olandiżi rduppjaw ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima meta l-ewwel kien Depay li kkonkluda mill-viċin bil-goalkeeper tal-Qatar jilqa’ parzjalment u mir-rebound Frankie De Jong b’lasta vojta għamel l-iskor 2-0.

B’din ir-rebħa l-Olanda aċċertaw mill-kwalifikazzjoni kif ukoll mir-rebħ ta’ Grupp A.