Lokali

Meħtieġa deċiżjonijiet: il-futur ma jistenna lil ħadd – PN

L-istħarriġ dwar iż-żgħażagħ “EY Generate” juri l-falliment tal-politika tal-Gvern għaż-żgħażagħ tagħna. 77% tal-millenials (dawk ta’ bejn 26 u 39 sena) u 72% tal-Gen-Z (dawk ta’ bejn 16 u 25 sena) qalu li jippreferu jgħixu barra minn Malta, bir-raġunijiet ewlenin ikunu impjiegi u salarji aħjar. 93% qalu li l-istat tal-ambjent f’pajjiżna dejjem sejjer għall-agħar.

Il-PN fi stqarrija fakkar kif fl-aħħar ġimgħat segwejna bir-reqqa d-Diskors tal-Budget 2023. Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif, minkejja xi miżuri pożittivi li fih, partikolarment biex tkun mitigata l-isfida tal-għoli tal-ħajja, kien Budget mingħajr pjanar u mingħajr viżjoni fit-tul.

Wara l-ammissjoni tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, li l-politika ekonomika tal-Gvern falliet, l-anqas li wieħed kien jistenna kien Budget li jagħtina direzzjoni ta’ ‘l fejn sejrin.

Iż-żgħażagħ u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin stennew lill-Gvern jgħid x’niċeċ ġodda fl-ekonomija se jkunu qed jinħolqu? X’investiment se jkun qed isir f’industry verticals eżistenti? X’tip ta’ value added jobs għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema Maltin se jkunu qed jinħolqu? X’tip ta’ setturi li jħallsu pagi tajbin u mhux cheap labour se jkunu qed jinħolqu? Fuq kollox, x’viżjoni se jkun qed joħloq għaż-żgħażagħ tagħna biex jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar?

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ mħasseb kif f’diskors sħiħ tal-Budget 2023, dwar dan ma smajna xejn għax ma jindirizzax il-kwalità tal-ħajja li tixraqlek. Agħar minn hekk, mhux talli l-Gvern m’għandux ideat għall-ekonomija ta’ għada, talli jidher li qata’ qalbu li jsolvi l-problemi li qed jgħaffġu fuq iż-żgħażagħ, il-familji u n-negozji Maltin ta’ kuljum. Il-problema tat-traffiku, it-tniġġis, in-nuqqas ta’ spazji miftuħa, il-pazjenti f’kurituri, in-nuqqas ta’ meritokrazija, in-nuqqas ta’ trasparenza, u n-nuqqas ta’ pjanar fil-qasam tal-kostruzzjoni.

L-unika riżorsa li għandu pajjiżna hu r-riżorsa umana. Minkejja li stħarriġ wara ieħor jibqa’ jindika b’mod ċar li parti sostanzjali taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, li kieku jistgħu, iridu jew jixtiequ jmorru jgħixu barra l-pajjiż, il-Gvern qed jibqa’ ċass quddiem din is-sitwazzjoni għax dan hu Gvern li mhux qed jifhem il-gravità tas-sitwazzjoni.

Jekk jiġri li jitilqu bosta żgħażagħ minn pajjiżna, mhux biss l-età medja tal-popolazzjoni tkompli tikber, iżda agħar minn hekk, insofru minn dak li jissejjaħ bħala brain drain, li jfisser li nkunu tlifna l-unika riżorsa li għandu l-pajjiż.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti mal-Gvern biex jieħu azzjoni minnufih ħalli, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet aħjar ta’ xogħol, nassiguraw li pajjiżna ma jibqax ikun rovinat u b’hekk jibda jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna.

L-istqarrija inħarġet mid-deputati Jerome Caruana Cilia u Bernice Bonello.