Lokali Parlament

Robert Abela jibqa’ jibbaża fuq il-każ ta’ Prudente; jattakka lill-akkademiċi

Il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jibbaża l-argumenti tiegħu favur liġi li ddaħħal l-abort billi baqa’ jibbaża fuq il-każ ta’ Prudente meta l-Avukat tal-Istat stess iddikjara li l-omm qatt ma kienet fil-periklu tal-mewt meta riedet tagħmel abort f’Malta.

Fil-parlament il-Prim Ministru qal li l-kura medika m’għandhiex tingħata fl-aħħar mument ta’ sitwazzjoni diffiċli għall-ommijiet. Hu qal li l-prassi ilha titwettaq u l-każ ta’ Prudente fejn l-omm kellha kumplikazzjonijiet mediċi ġenwini. Il-fatti qed jiġu dibattuti quddiem il-qorti.

Il-Prim Ministru qal li fid-dibattitu kien hemm dawk konsistenti li l-ebda ħajja ta’ omm m’għandha titpoġġa f’periklu minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala; dawk kontra l-abort. Kien hemm ukoll lil dawk li qagħdu siekta għalkollox sakemm kienu ċerti li l-omm ma mitietx.

Robert Abela qal li t-tarbija ma kinitx vijabbli u sostna li t-tobba Maltin baqgħu jistennew u m’għamlux l-intervent. Hu qal li s-sitwazzjoni ta’ Prudente kienet ċara kristall u sostna li kien hemm anomalija fil-liġijiet Maltin.

Il-Prim Ministru kompla li l-kuxjenza ma tagħtux għaliex kien hemm ħajjet mara li kienet f’periklu u għalhekk talab parir mingħand l-Avukat tal-Istat li ta l-parir tiegħu. Hu qal li l-prassi kienet li tkun salvata l-omm u tintilef it-tarbija. L-Avukat tal-Istat kien ta parir li kien hemm ċar ksur tal-liġi tal-abort tal-pajjiż.

Robert Abela sostna li hemm qbil prassi informali li hemm bżonn tkun kodifikata u kkritika d-dikjarazzjoni tal-akkademiċi li pproponew alternativa għall-emenda tal-Gvern.

Fid-diskors tiegħu l-prim Ministru kkwota minn rappurtaġġ li Net News għamel ta’ artiklu tal-Professur Kevin Aquilina li qal; ‘Aquilina sostna li b’tali liġi li jrid jimplimenta l-Gvern…ladarba mara tqila tkun qed issofri minn dipressjoni temporanja jew stress jew rimors li nqabdet tqila, jew saħansitra tirrealizza li m’għandhiex biżżejjed flus biex trabbi wild biex ma tpoġġix ħajjitha f’riskju…fid-disa xahar tat-tqala tista’ tiddeċiedi li tagħmel terminazzjoni tat-tqala. Minkejja li tarbija tista’ titwieled u tgħix saħansitra mas-seba’ xahar tat-tqala’.

Il-Prim Ministru ma qalx li Net News kien qed jikkwota lill-Professur Kevin Aquilina f’artiklu f’gazzetta lokali u ta l-impressjoni li din kienet opinjoni ta’ Net News. Minkejja li d-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg ġibdet l-attenzjoni tal-Ispeaker li l-Prim Ministru kien qed jiżgwida lill-Kamra, il-Prim Ministru baqa’ jirrepeti l-argument tiegħu.