Lokali Parlament

Rosianne Cutajar tammetti li din hi liġi tal-abort

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttiieg sostniet fil-parlament li d-deputat Laburista Rosianne Cutajar stess ammettiet li l-gvern qed iddaħħal liġi favur l-abort.

Fil-parlament Claudette Buttigieg kkritikat lill-Prim Ministru għall-mod kif Net News kien qed jikkwota lill-Professur Kevin Aquilina iżda l-Prim Ministru ta l-impressjoni li dak kien kliem ta’ Net News. Il-Professur Kevin Aquilina kien il-Kap tal-Fakultà tal-Liġi u fl-artiklu tiegħu fuq gazzetta lokali ta interpretazzjoni tal-liġi dwar l-abort

Il-Prim Ministru kien selettiv f’dak li kkwota għax missu qara l-punti kollha fejn il-Professur Kevin Aquilina iddikjara li din hi l-iktar liġi miftuħa għall-abort fid-dinja għaliex tagħti l-permess li l-abort jista’ jsir fid-disa’ xhur sħaħ tat-tqala. Ħadd mill-gvern ma qal li mhix veru, sostniet id-deputat Nazzjonalista.

Claudette Buttigieg sostniet li fil-liġi l-gvern ma jirreferi qatt għat-tarbija jew għall-embrijun. Din hi selettiva ħafna, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-gvern qed jitratta lill-embrijun daqs parti mill-ġisem li m’għandekx bżonn li taqtgħu u tarmih. L-arroganza tal-Gvern u l-messaġġi konflinġenti kienu kbar.

Id-deputat Laburista Rosianne Cutajar kienet onestà għax qalet li l-abort ma jsirx b’kapriċċ; konferma li l-gvern se jdaħħal l-abort. Dan meta l-Prim Ministru u deputati oħra qed jipprovaw jikkonvinċu li din mhix liġi favur l-abort, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-akkademiċi jitrattw ukoll il-prinċipji etiċi li huma ta’ importanza kbira.

Il-prinċipju tal-ħajja hu prinċipju ewlieni, sostniet id-deputat Nazzjonalista.