Internazzjonali

Ukrajna: ‘Qed jużaw ix-xitwa bħala arma tal-gwerra’

Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, akkuża lill-Mexxej tar-Russja Vladimir Putin dwar ‘pjan malinn’ biex juża x-xitwa bħala arma tal-gwerra kontra l-poplu tal-Ukrajna. L-Alleanza tal-Punent temmen li Putin jinsab lest għal kull mezz inuman biex iżid il-miżerja għall-Ukreni bi Stoltenberg itenni li l-Kremlin ta’ Moska qed iżid ‘il-mewġ tal-brutalità’ kontra ċ-ċivili li qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet iddisprati fost il-kesħa kbira fir-reġjun.

Il-kummenti saru qabel laqgħa għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO fir-Rumanija, bil-Ministru Britanniku, James Cleverly isostni li r-Russja qed tutilizza l-friża biex tkisser il-moral tal-Ukreni u ġġiegħlhom iċedu. Dan wara sensiela ta’ disfatti militari għar-Russi fi gwerra li ilha għaddejja minn Frar.

In-NATO qed twiegħed appoġġ li ma jaqta’ xejn lill-Ukrajna meta l-qawwiet Russi qed ikomplu bl-attakki fuq l-infrastruttura tal-Ukrajna. Fl-aħħar jiem, ir-Russi ma żammewx lura mill-offensiva kontinwa fuq il-faċilitajiet speċifiċi biex jaċċertaw li l-Ukreni jispiċċaw mingħajr servizzi tad-dawl u tal-ilma.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ukrajna,Volodymyr Zelensky, ikkundanna l-bumbardamebnti tar-Russi fuq ir-reġjun Ukren ta’ Kherson li jiem ilu kien illiberat mit-truppi tal-Kremlin. U l-mara tiegħu – il-First Lady Ukrena Olena Zelenska – waqt żjara fir-Renju Unit, ħeġġet biex il-poplu Britanniku ma jinsiex it-traġedja tal-invażjoni ta’ pajjiżha mir-Russi waqt l-istaġun tal-festi.

Fl-aħħar sigħat, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tan-NATO enfasizzaw il-ħtieġa li jagħmlu kulma hemm bżonn biex jgħinu lill-Ukreni matul ix-xhur tax-xitwa. Dan meta ssemmiet il-probabbiltà li n-NATO setgħet taqbel dwar pakkett ta’ għajnuna speċifika lill-Ukrajna ‘li ma jinkludix l-armamenti.’

Il-Ministru Slovakk, Rastislav Káčer, qal, sadanittant, li t-tentattivi tal-Ukrajna biex tissieħeb fin-NATO kellha tkun diskussa waqt is-summit f’Bucharest. Hu spjega li l-Alleanza għandha titratta l-prospett b’serjetà kbira waqt li tgħin lill-Ukrajna fi proċess li jwassalha qrib kemm jista’ ikun għall-isħubija uffiċjali. Dan ukoll meta diversi Stati tan-NATO qed jittamaw li l-konklużjoni ta’ sħubija uffiċjali tal-Ukreni fin-NATO ‘ma tibqax biss ħolma’.