Wales 0-3 Ingilterra
Żewġ gowls ta’ Rashford u ieħor minn Foden fit-tieni taqsima kienu biżżejjed biex l-Ingilterra jaqtgħu passaġġ għall-fażi li jmiss tat-Tazza tad-Dinja wara li spiċċaw fil-quċċata ta’ Grupp B. Fil-fażi tal-aħħar sittax issa l-Ingliżi jiltaqgħu kontra s-Senegal li ġew it-tieni fi Grupp A
L-aktar azzjoni perikoluża tal-ewwel taqsima waslet mill-Ingilterra wara disa’ minuti meta Harry Kane għadda pass mill-isbaħ lejn Marcus Rashford, bil-goalkeeper Danny Ward joħroġ fil-ħin u nterċetta l-lob tal-attakkant ta’ Manchester United.
Fit 38 minuta azzjoni bejn Bellingham u Foden b’dan tal-aħħar jidħol fil-kaxxa avversarja iżda x-xutt tiegħu mar għoli. L-uniku xutt ta’ Wales wasal ftit qabel il-mistrieħ minn Joe Allen li iżda l-konklużjoni tiegħu marret barra.
Minkejja li l-Ingliżi ddominaw għal kollox il-pusses tal-ballun, ma rnexxielomx jinfdu d-difiża ta’ Wales biż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr gowls.
It-Three Lions ħarġu mill-ewwel fuq l-offensiva fit-tieni taqsima u f’perjodu ta’ minuta skorjaw darbtejn.
Fil-50 minuta fetħu l-iskor minn free-kick dirett ta’ Marcus Rashford biex anqas minn minuta wara Phil Foden għamilhom tnejn wara li Rashford rebaħ ballun u għadda lejn Harry Kane li l-pass fil-baxx tieghu sab lil midfielder ta’ Manchester City li minn taħt il-lasta tafa’ ġewwa.
Erba’ minuti wara Wales jirrispondu permezz ta’ xutt ta’ Kieffer Moore li kien devjat minn Maguire bil-goalkeeper Ingliż ikollu jdawwar f’korner.
Marcus Rashford skorja t-tieni gowl tiegħu u t-tielet għall-Ingilterra fit-68 minuta meta minn azzjoni personali daħal fil-kaxxa u bix-xellug prova xutt fil-baxx, li għalkemm kien milqugħ bis-sieq minn Ward il-ballun baqa’ dieħel fix-xibka bl-iskor isir 3-0 favur l-Ingilterra.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sat-tisfira finali tar-referee Slavko Vincic bl-Ingilterra jiksbu rebħa meritata u kwalifikazzjoni għall-aħħar sittax.
//= $special ?>