Internazzjonali

Iċ-Ċina: Imut l-eks-President Jiang Zemin…Kien laħaq ‘mexxej ta’ kompromess’ wara l-massakru ta’ Tiananmen

Tħabbret il-mewt tal-eks-President taċ-Ċina, Jiang Zemin (ritratt), li kien ħa l-poter f’pajjiżu wara l-protesti – u l-massakru storiku tal-attivisti – li seħħew fi Pjazza Tiananmen ta’ Beijing fl-4 ta’ Ġunju tal-1989.

Jiang miet ta’ 96 sena f’Shanghai wara li kien marad bil-leukaemia. Dan  wara li hu ippresieda fuq perjodu fejn iċ-Ċina bdiet tiżviluppa sew u b’rata mgħaġġla bħala potenza ekonomika. Mewtu, intant, kellha sseħħ fi żmien meta ċ-Ċina għaddejja mill-akbar taqlib wara ż-żmien ‘ta’ Tiananmen’ u fejn iċ-ċittadini qed jipprotestaw għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet li qed ikunu imposti minħabba l-Covid.

Il-Partit Komunista Ċiniż ( fil-Gvern) radd ġieh lil Jiang bħala ‘mexxej uniku u ta’ prestiġju’. Dan meta l-akbar kisbiet tal-eks Mexxej jinvolvu t-trasferiment lura liċ-Ċina ta’ Hong Kong, li kienet ilha għexieren ta’ snin bħala kolonja Britannika, u l-isħubija ta’ pajjiżu fil-World Trade Organization, fl-2001.

L-ewwel snin tat-tmexxija ta’ Jiang kienu diffiċli, meta – wara l-massakru fi Tiananmen – iċ-Ċina spiċċat imwarrba u iżolata mill-parti kbira tal-komunità internazzjonali. Is-sitwazzjoni kienet wasslet ukoll għal taqbida kbira għall-poter bejn il-konservattivi u r-riformisti fi ħdan il-Partit Komunista Ċiniż u li maż-żmien irriżultat fil-konferma ta’ Jiang bħala President.

Jiang, mill-bidunett, kien meqjus bħala burokratiku u t-tama fost il-komunisti, dak iż-żmien, kienet li hu, bħala ‘mexxej ta’ kompromess’, seta’ jikkonsolida l-għaqda fost l-elementi radikali fil-Gvern u l-membri l-oħra aktar liberali.

U taħt it-tmexxija tiegħu, iċ-Ċina waqqfet ekonomija formidabbli, bil-Komunisti jsaħħu l-kontroll fil-pajjiż li anki stabilixxa ruħu fost l-akbar potenzi fid-dinja. Fl-istess ħin, iżda, ir-riformi politiċi ma seħħew qatt taħt it-tmexxija ta Jiang, bl-eks President lanqas ma jittollera d-dissens u biċ-Ċina anki żżid il-politika aggressiva fil-konfront tat-Tajwan.