Internazzjonali

Iċ-Ċina: Ittimbrati bħala ‘elementi ostili’ fost il-protesti kontra l-liġijiet dwar il-Covid

L-aġenzija ewlenija tas-sigurtà f’dan il-pajjiż qed tmexxi azzjoni bbażata fuq l-użu tal-forza fil-konfront taċ-ċittadini li qegħdin jipprotestaw dwar il-liġijiet li jillimitawlhom il-movimenti bħala parti mill-politika tal-Gvern biex jaċċerta minn zero każi tal-Covid.  Dan meta l-awtoritajiet komunisti qegħdin jirreferu għad-dimostranti bħala ‘elementi ostili li qegħdin ifixklu l-funzjoni tal-Istat’.

Intant, qed ikomplu l-arresti tad-dimostranti fit-toroq ta’ Beijing, Shanghai u bliet oħrajn – bil-pulizija qed tkompli tinterroga lin-nies biex tivverifika l-movimenti tagħhom fost l-isfida pubblika lir-reġim tal-President Xi Jinping.

Fl-aħħar sigħat seħħew aktar konfronti bejn dimostranti u pulizija, din id-darba fil-belt ta’ Guangzhou, u fejn ir-residenti, l-istess bħal eluf ta’ Ċiniżi oħrajn, jinsabu mgħaddbin dwar ir-regoli tal-Gvern li ‘ipparalizzaw’ il-ħajja għaċ-ċittadini. Id-dimostranti spiċċaw igaraw l-oġġetti lejn il-pulizija, bil-filmati minn Guangzhou juru wħud minnhom immanettjati, u bil-pulizija qed tmexxihom lejn numru ta’ vannijiet skjerati fl-inħawi.

Iżda qed jidher ukoll li l-protesti qegħdin iħallu xi effett, bl-uffiċjali fi Guangzhou itennu, aktar tard, li r-restrizzjonijiet tal-Covid għandhom jonqsu f’xi distretti.

Iċ-Ċina, fl-aħħar jiem, irreġistrat rekord ta’ każi tal-Covid-19 u għadha l-unika fost l-ekonomiji kbar tad-dinja li qed tinsisti dwar il-politika ta’ ‘zero Covid’. Dan meta l-awtoritajiet fl-ibliet Ċiniżi qed jinfurzaw il-lockdowns għall-għarrieda, flimkien ma’ sistemi ta’ kwarantina u testijiet ‘għaċ-ċittadini kollha’ anki meta jkun hemm inċidenzi żgħar tal-infezzjoni.

Sadanittant, l-aħħar rapporti minn Guangzhou irreferew għal diversi arresti fil-villaġġ ta’ Houjiao fid-distrett ta’ Haizhu – liema nħawi saru ‘zona taħraq’ għad-dimostrazzjonijiet kontra l-liġijiet dwar il-Covid.

Hu minnu, iżda, li r-residenti lokali, flimkien ma’ eluf ta’ Ċiniżi f’Shanghai u Beijing, għadhom determinati li jissieħbu f’manifestazzjonijiet popolari biex jinsistu għat-tmiem tar-regoli stretti dwar il-Covid – bl-aħħar jiem ikunu karatterizzati bis-sejħiet pubbliċi ‘biex Xi Jinping iwarrab mit-tmun tal-pajjiż’.

Fl-istess ħin, qed tiżdied dejjem aktar il-preżenza tal-pulizija f’dawn l-ibliet, bl-awtoritajiet komunisti qegħdin jirrinfurzaw il-kontroll fiz-zoni indikati bħala l-aktar popolari għad-dimostrazzjonijiet – uħud minnhom spontanji —  kontra l-Gvern.