Lokali

Il-Gvern jixaħħaħ mal-ħaddiema u l-familji Maltin – PN

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, filwaqt li l-Gvern Laburista ħareġ dan l-avviż legali matul is-sajf meta l-parlament ma kienx qed jiltaqa’ u fl-aħħar ġimagħtejn qabel l-iskadenza tal-introduzzjoni tad-direttiva Ewropea f’pajiżna. Huwa ovju li l-Gvern Laburista għamel hekk bl-iskop li kollox jgħaddi mingħajr ħadd ma jinduna.

Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista, flimkien mal-MEP David Casa, beda proċċess ta’ konsultazzjoni pubblika  b’sensiela ta’ laqgħat mas- Soċjetà Ċivili biex nifhmu kif nistgħu ntejbu dan l-avviż legali. Dan l-atteġġjament tal-Partit Nazzjonalista hu ferm differenti minn dak li għamel il-gvern.

Filwaqt li l-gvern illum irid jgħabbi lil min iħaddem bl-ispejjeż u jagħti l-minimu lill-ħaddiema tagħna, il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ħaddiema tagħna jixirqilhom ħafna aħjar u ħafna aktar.

Il-Partit Nazzjonalista jipproponi li

  • Għandu jkun il-Gvern li jħallas għal dawn il-benefiċċji li daħlet l-UE u mhux min iħaddem;
  • li l-leave tal-ġenituri għandu jiżdied għal 15-il jum b’paga sħiħa minn 1 ta Jannar 2024.
  • li  xahrejn mill-leave tal-ġenituri  u  hamest ijiem l-carer’s leave  għandhom jitħallsu bil-paga medja tas-sena ta’ qabel.
  • li s-self employed għandhom ukoll ikunu intitolati għall-istess benefiċċji.
  • Li dawn ir-regolamenti għandhom jidaħlu fis-seħħ b’effet mill-1 ta’ Awwissu 2019.
  • DIER izomm rekord tal-leave imsemmi.

Il-Partit Laburista, minkejja li jsejħu lilhom infushom progressivi, fil-fatt mhumiex. Ma kellhom l-ebda intenzjoni li jnaqqsu l-caring gap bejn il-mara u r-raġel, ma jridux itejbu l-bilanċ tal-ħajja tax-xogħol tal-ħaddiema u ma jridux itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu. Fi ftit kliem ma jridux l-istess opportunitajiet għal kulħadd. Riedu biss  jgħaddu l-liġi ta’ malajr għax ma kellhomx għażla oħra.. Għamlu dan għax kienu sfurzati mill-Unjoni Ewropea.

Għal darb’oħra, illum id-differenza bejn iż-żewġ partiti fil-Parlament ser toħroġ biċ-car.Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jara l-familji bħala investiment, il-Partit Laburista se jkun qed jara l-familji bħala spiża.