Lokali Parlament

Il-gvern moħħu biex idaħħal l-abort u mhux biex itejjeb lill-familja

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet fil-parlament li l-gvern moħħu biex idaħħal l-abort u mhux mhux biex itejjeb lill-familja.

Meta kienet qed titkellem dwar il-work life balance, Claudette Buttigieg qalet li l-PN qed jippreżenta l-mozzjoni favur il-familja moderna fil-varjetajiet kollha iżda jrid ikun ikkunsidrat li ironikament fil-parlament il-gvern qed iressaq emenda għal-liġi favur l-abort.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN irid li jseħħ investiment fil-familji u sostna li għad hemm wisq nisa li l-għażliet ul-ħolm tagħhom ma sarux realtà; dawn għandhom bżonn l-appoġġ.

Hi kkritikat il-fatt li l-gvern daħħal biss l-inqas possibbiltà mid-direttiva work life balance u qalet li d-deputati Laburisti lanqas biss tkellmu dwar din id-direttiva.

Id-deputat Nazzjonalista sostniet li l-gvern hu l-istess gvern li f’dawn il-ġranet qed jiftaħar bi tkabbir ekonomiku ta’ 7.6%; allura xi problema għandu li jdaħħal iktar mill-inqas possibbli lill-familji. Dan filwaqt li l-gvern ta’ €80 miljun lil Steward u miljuni lil min irid iżda jixxaħħaħ ma’ dawk li għandhom bżonn.

Claudette Buttigieg qalet li l-Gvern moħħu biex idaħħal l-abort u mhux jiffoka fuq inizjattivi għall-familji. Hi sostniet li l-iskop tad-direttiva kien li jinstab bilanċ bejn ħajja u xogħol u spjegat kif llum hemm obbligu li tidħol il-flessibbiltà.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern qed jitqammel mal-familja iżda jagħti kemm jiflaħ lil ta’ madwaru. Fuq din id-direttiva l-gvern kien kostrett li jdaħħal din id-direttiva għax kien kostrett minħabba li kienet liġi Ewropea u mhux għax riedha.