Lokali Parlament

Il-Gvern obbligat jgħin lil min hu fil-bżonn u mhux idaħħal l-abort

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlament li l-gevrn obbligat jgħin lil min hu fil-bżonn u mhux idaħħal l-abort

Meta kien qed jitkellem fil-parlament dwar l-emenda tal-gvern li se twassal biex jiddaħħal l-abort, il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li dan l-abbozz, jekk jibqa’ kif inhu, jissarraf f’liġi kapriċċjuża ta’ Prim Ministru li jrid idaħħal l-abort f’pajjżina mingħajr ebda mandat tal-poplu u allura qed jipprova jdaħħlu mit-tieqa flok mill-bieb. Bi kliem jgħid mod u bil-fatti qed jagħmel mod ieħor.

Il-ferħ tat-twelid ta’ tarbija ħafna minnha gawdewh meta kellhom Milied fil-familja tagħhom. Ħafna minna huma missirijiet u ommijiet imma aħna lkoll ulied, dak żgur. Kollha nafu l-ferħ tat-twelid tal-ewwel tarbija tagħna u mbagħad, hawn min, anke tat-tieni u aktar. It-trabi tagħna li kibru u saru adoloxxenti u mbagħad irġiel u nisa li anke huma saru missirijiet u ommijiet. Hawn min għaddej minn proċessi twal u diffiċli biex jippruvaw ikollhom l-ewwel wild tagħhom u lil dawn nawgurawlom suċċess biex huma wkoll ikollhom din l-okkażjoni ta’ ferħ. Għal ħafna li jkollok tarbija hija ġrajja jew esperjenza li timlielek qalbek bil-ferħ.

Iżda t-tqala mhux ferħ biss iġġib. Hawn min iġorr il-piż ta’ tqala mhux mixtieqa jew tqala sfurzata fuq il-persuna minn stupru jew anke incest. Din it-tqala ġġib magħha tbatija kbira ħafna li titlob mis-soċjeta għajnuna u kenn adegwat u reali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li hawn min għix l-anzjetà li kull tqala xi ftit jew wisq iġġib magħha. Kien hawn u se jibqa jkun hawn min ikollu tqala diffiċli. Kien hawn min tilef it-tarbija. Uġigħ kbir li min għadda minnu biss jista’ jispjegah – jekk fil-fatt jista’ jispjegah – b’mod sħiħ.

Min ma għaddiex minn dan l-uġiegħ ta’ tqala mhux mixtieqa jew tqala diffiċli jista’ biss jempatizza ma’ min għadda minnu. Aħna f’dan il-Parlament iżda mhux nempatiżżaw biss għandna.

Kull tarbija li titwieled tgħaddi mill-inqas minn erba mumenti kruċjali; li koppja tinqabad tqila, li tqala twassal sal-aħħar, li t-twelid ikun suċċess u li t-tarbija ikollha s-saħħa, l-kura u l-kustodja meħtieġa

Għaddejna liġijet biex nsaħħu u ntejbu l-possibilità li koppja tinqabad tqila u naqblu bejnietna u nagħmlu sewwa. Ngħaddu liġijiet u ninvestu biex il-koppja jkollha kull għajnuna meħtieġa għal twelid bl-inqas diffikultajiet u naqblu bejnietna u nagħmlu sewwa, sostna l-Kpa tal-Oppożizzjoni.

Ngħaddu liġijiet li jħarsu s-saħħa ta’ kull wild u biex naraw li dawk ħafna drabi l-ġenituri li għandhom jerfgħu r-responsabbilità għall-kura u kustodja meħtieġa dan jagħmluh ukoll. F’ċerti drabi taħt piena karċerarja jekk jonqos. Naqblu bejnietna u nagħmlu sew li nilleġiżlaw għall-ħarsien tal-minuri.

Il-Kap tal-Oppopżizzjoni sostna li iżda mbagħad meta l-gvern jiġi għall-ħarsien tat-tarbija fil-ġuf, għal dak il-waqt meta t-tarbija qed tifforma biex tipprepara ħa tidħol fid-dinja, jaġixxi bil-kontra. Ma’ kull tqala li titwaqqaf, titwaqqaf ukoll il-ħajja u għalhekk jisfaxxa kull sforz ieħor li nkunu qbilna fuqu f’dan il-parlament. Fuq din ma naqblux għaliex intom tridu l-abort u aħna bħal maġġoranza tal-poplu irridu l-ħajja.

Minflok qegħdin nikkompetu biex naraw kif flimkien se nsaħħu t-tqala u tkomplija tagħha, kif se nipproteġu l-ħajja tat-tarbija li għadha fil-ġuf, illum aħna biss ta’ din in-naħa tal-kamra qegħdin nitkelmu dwar il-ħarsien tal-ħajja tal-omm u tat-tarbija. Filwaqt li nafu li kif dejjem ġara fl-aħħar għexieren ta’ snin f’pajjiżna huwa biss meta l-ħajja tal-omm tinsab mhedda minn dik it-tarbija li għandha tirbaħ dik tal-omm.

Bernard Grech kompla li illum, kważi lejliet il-Milied, Robert Abela lil pajjiżna ma ġablux ir-rigal ta’ policies ġodda li jgħinu lil min għaddej bi problemi fiżiċi jew psikoloġiċi jew soċjali waqt it-tqala jew lil min għaddej minn problemi simili wara t-tqala. Robert Abela lill-poplu qed iressaqlu liġi li tiftaħ beraħ il-bieb għall-abort. Ir-rigal tal-Milied ta’ Robert Abela huwa li se jdaħħal l-abort f’pajjiżna.

Dan mhux qed jgħidu biss il-PN. Dan qed jgħiduh ukoll b’dispjaċir 81 akkademiku u espert u l-Isqfijiet Maltin u Għawdxin. Però jeżisti lobby favur l-abort f’pajjiżna. Dawn ta’ kontra l-abort u dawk ta’ favur l-abort qed jaqblu f’ħaġa waħda: li l-liġi se ddaħħal l-abort.

Imma l-Prim Ministru qed jipprova jirredikola u jgiddeb lil kulħadd u jgħid li din il-liġi mhux se ddaħħal l-abort. Dan huwa Gvern bla qalb. Trid tkun Gvern bla qalb biex tużaha u tigdeb fuq nisa tqal li jkunu f’sitwazzjonijiet diffiċli. Il-Gvern qed jgħid li kull ma jrid jagħmel hu li meta mara tkun se tmut allura nagħżlu lill-omm u mhux lit-tarbija. Dan diġa qed isir! F’dawn l-aħħar 40 sena ebda mara ma tilfet ħajjitha għax ġiet rifjutata kura lilha waqt it-tqala.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-Gvern għandu paniku biex idaħħal l-abort bla mandat tal-poplu Malti. Mara Amerikana li kienet tqila, vjaġġat iktar minn 20 siegħa biex tiġi Malta għal “babymoon”. M’hix qed tgħid ftit ċelloli, lanqas embrijun u lanqas fetu, imma baby – tarbija, bniedem!

It-tobba u l-infermiera għamlu minn kollox biex jikkurawha u jieħdu ħsieb lilha u t-tarbija iżda hi fetħet kawża u l-abort li riedet xorta ħaditu għax marret Spanja u hemm spicca l-babymoon! Ħajjitha qatt ma kienet fil-periklu mhux veru! Dan jixduh it-tobba kuranti tagħha u hu kkonfermat mill-Avukat tal-Istat l qed jidher għal Robert Abela stess.

Għaliex dan il-periklu u l-għaġġla kollha biex indaħħlu l-abort? Il-qattusa għaggelija frieħ għomja tagħmel. L-għaġġla f’din il-liġi mhux għal friegħ għomja iżda se twassal għall-qtil tal-friegħ u tal-ferħ li jġibu magħhom

Il-liġi qed tgħid żewġ affarijiet; tipproteġi l-ħajja tal-mara tqila li tkun fil-periklu. Il-PN jaqbel ma’ dan u fil-fatt, fil-konkret ma tbiddel xejn milli jsir bħalissa. Imma l-oħra le.

Iżda barra din, il-Gvern qed idaħħal sitwazzjoni oħra li tiftaħ il-bieb għall-abort. Irid li anke jekk l-intervent biex jipproteġi s-saħħa tal-mara l-intervent li jwassal għall-mewt tat-tarbija jista’ jsir. Ma jimpurtax li toqtol tarbija meta l-omm jkollha problema ta’ saħħa flok nikkuraw l-omm u nsalvaw it-tnejn noqtlu t-tarbija.

Issa la l-Prim Ministru allura jew jrid idaħħal l-abort inkella qed iressaq liġi li lanqas induna xi tfisser. Jekk irid idaħħal l-abort għandu jkollu il-kuraġġ u jgħid dan ċar u tond mhux jipprova jinħeba wara subajħ. Jekk vera – kif jgħid – ma jridx idaħħal l-abort allura jadotta l-proposta li ser insemmi fl-aħħar parti ta’ dan id-diskors.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-Oppożizzjoni taqbel li kif dejjem ġara, li jekk il-mara tkun f’periklu għall-ħajjitha, jiġifieri tista’ tmut, l-intervent mediku li jsir biex isalvaha u li b’riżultat tiegħu tmut it-tarbija dan ma jitqiesx kontra l-liġi.

Ikkonferma dan l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello li jgħid li l-liġi tagħna kif inħi diġà tħares lil dawk it-tobba li f’ċirkostanzi diffiċli jippruvaw isalvaw kemm lill-omm kif ukoll lit-tarbija, anke jekk sfortunatament t-tarbija tmutu u allura qed jikkonferma li ma jistghu jittieħdu l-ebda passi legali kontra t-tobba.

Tant hi ċara din il-pożizzjoni li ħadd ma ttella’ l-Qorti għax mietet it-tarbija meta t-tabib kien qiegħed jipprova jsalva l-ħajja tal-omm. Imma la hawn min għandu dubju ejjew naqblu li l-liġi tista’ ssir aktar ċara. Imma int Prim Ministru mhux liġi aktar ċara biex tipproteġi l-tobba qed tippreżentalna. Il-gvern qed tippreżentalna liġi li tikkopja liġijiet li kull fejn daħlu fetħu beraħ il-bieb tal-abort.

Fil-każ tal-Amerikana Prudente jidher li t-tobba huma iktar prudenti minnha. Imma allura minflok ngħidu li l-mara li minħabba l-kundizzjoni li tkun fiha tkun qed tbati minn biża u anzjeta għandna ngħinuha b’kull mod biex tirbaħ din l-anzjeta, qed titressaq liġi li tagħmilha possibbli toqtol tarbija, minħabba li l-biża’ u l-anzjetà jistgħu jitqiesu bħala ta’ periklu gravi għas-saħħa.

Jiġifieri issa kull min jista’ jkun ta’ detriment għas-saħħa ta’ xi ħadd se toqtlu? Jew se jkollna liġi mod għat-tarbija qabel titwieled u liġi differenti għat-tarbija wara li titwieled?

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-Gvern ta’ Robert Abela jrid liġi u jimxi fil-passi li kienu bdew bihom l-Ingilterra u Wales: jiġifieri se jdaħħal f’pajjiżna providiment li jippermetti li l-intervent isir mhux biss meta jkun hemm periklu għall-ħajja iżda anke periklu għas-saħħa bla ma jispjega mkien fil-liġi din xi tfisser.

Robert Abela qed jistieden lill-abort biex jidħol f’Malta mill-istess bieb li fetħu fl-Ingilterra. Il-ftuħ ta’ dan il-bieb wassal biex fis-sena li għaddiet fl-Ingilterra saru kwart ta’ miljun abort. Kważi 250,000 tarbija maqtula f’ġuf ommhom.

Mara li jkollha problemi waqt it-tqala għandha bżonn kull forma ta’ għajnuna. Kif għandha bżonn kull forma ta’ għajnuna għall-problemi ta’ wara t-twelid. Kemm il-omm li twassal it-tqala diffiċli għat-twelid kif ukoll il-omm prospettiva li tiddeċiedi li tagħmel abort ikollhom bżonn ta’ għajnuna. Deċiżjoni li twassal għall-abort min jaf, fil-biċċa kbira ħafna tal-każi, kemm tkun deċiżjoni diffiċli. Min jaf kemm fil-biċċa l-kbira ħafna tal-każi tkun akkumpanjata minn uġiegħ. Dawn l-ommijiet u anke missirijiet għajnuna jkollhom bżonn. X’garanzija hemm li bl-abort tat-tarbija fil-ġuf se tnaqqas l-uġigħ jew se ssolvi jew tindirizza l-mard mentali?

L-abbozz tal-gvern jġiegħlna nissuspettaw li l-Prim Ministru jrid iddaħħal l-abort għax jikkalkula li hemm aktar nies li lesti jbiddlu l-vot jekk tgħaddi din l-emenda milli bil-maqlub.

“Inti mhux bil-prinċipji timxi iżda bil-polls mhux politiku imma pollster. Diġà fuq il-kuxjenza tiegħek għandek il-mewt ta’ tarbija ta’ erba snin li ħallejtha tmut bil-għatx, imma donnu l-kuxjenza tiegħek tiflaħ iktar minn hekk.

Jekk trid turi li din l-analiżi dwarek u dwar il-liġi mhux korretta, jekk mhux veru li trid iddaħħal l-abort urina dan bil-fatti billi tilqa’ l-proposta tal-akkademiċi li aħna appoġjajna u li appoġġjat ukoll l-eks President tar-Republika Marie Louis Coleiro Preca u 40 organizazzjoni oħra u bi qbil unanimu nagħtu rigal tal-Milied lill-poplu Malti li jkun rigal dinjituż, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Ejjew naqblu biex inżidu bil-kbir l-għajnuna li qed tingħata lil min għandu qalb li tħobb tassew lill-ommijiet li jkunu fi problema.

Hu qal li kien żar Dar Tgħanniqa t’Omm il-Mosta u ra d-dedikazzjoni u l-għożża ta’ dawk li jmexxu din id-dar miftuħa għan-nisa u tfajliet li jkollhom diffikulta għax ikunu tqal.

Hu kompla li kulħadd jaqebl li l-problemi tas-saħħa mentali jheddu tassew is-saħħa. Nafu li dawn il-problemi qed jiżdiedu. Allura ejjew naqblu li parti mir-rigal tal-Milied lill-poplu Malti nkabbru u nsaħħu servizzi lin-nisa tqal li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali.

Dan l-aħħar il-Gvern iddeċieda illi ġaladarba se jiftah linja tat-telefon 24 siegħa kuljum biex min ikollu problemi jista’ jċempel allura jaqta’ l-għajnuna finanzjarja li kien jqgħti lil Richmond Foundation biex iżżomm linja tat-telefon miftuħa 24 siegħa kuljum.

Kif diġà tagħtihom għajnuna finanzjarja għal proġetti oħra, erġa’ għatihom l-għajnuna għal din il-linja tat-telefon. Żid l-għajnuna lill NGOs kollha li jaħdmu f’dan il-qasam tas-saħħa mentali. Min għandu dawn il-problemi għajnuna għandu bżonn mhux l-abort, appella Bernard Grech.

Bħala parti mir-rigal tal-Milied li qed nistiednek tagħti lill-poplu Malti għamel impenn li anke tkabbar dejjem aktar l-għajnuna lil dawk il-koppji li ma jistax ikollhom tfal. Mhux biss għajnuna fil-proċess tal-fertilizzazjoni iżda anke għajnuna psikoloġika u soċjali waqt dan il-proċess u anke wara. L-aħħar parti tar-rigal tal-Milied lill-poplu Malti hija l-emenda leġiżlattiva.

Inti taf li hemm mod kif nassiguraw ċertezza assoluta biex dawk it-tobba li jagħmlu intervent biex isalvaw il-ħajja ta’ omm, intervent li b’riżultat tiegħu tmut it-tarbija fil-ġuf, ma jidħlux fi problemi legali.

Is-soluzzjoni tawha t-80 akkademiku u esperti li ippubblikaw studju dettaljat. F’dan il-grupp hemm uħud mill-aqwa mħuħ fil-qasam tal-mediċina, fil-qasam tal-liġi, fil-qasam tal-etika u fil-qasam tal-ħidma soċjali. “Ħalliha li int tant int partiġġjan li anke lil dawn attakkajt. Tibqax twebbes rasek. Bl-abort il-pajjiż ma jsirx aktar uman iżda anqas uman, bla ruħ. Għalhekk għandek tabbraċċja dak li ipproponew l-esperti li semmejt aktar ‘l fuq”, sostna Bernard Grech.

Il-proposti tgħid li ma jkun twettaq l-ebda reat taħt l-artikolu 241(2) jew l-artikolu 243 meta l-mewt ta’, jew ħsara gravi fuq, tarbija mhux imwielda tirriżulta minn intervent mediku mwettaq bl-iskop li jsalva l-ħajja tal-omm meta jkun hemm riskju reali u sostanzjali ta’ telfien tal-ħajja tal-omm minn marda fiżika – mela anke aħna rridu nsalvaw il-ħajja tal-omm.

Il-Prim Ministu m’għandux jibqa’ partiġġjan u diviżiv. “Ejja flimkien naqblu biex lill-poplu Malti nagħtuh f’dan il-Milied rigal li jgħin lis-soċjeta tagħna tgħin bis-serjeta lil dawk kollha li jkollhom problem tul it-tqala u anke wara t-twelid. Għandek iċ-ċans li minflok diviżjoni nazzjonali iġġib għaqda nazzjonali. Minflok kultura tal-mewt issaħħaħ il-kultura tal-ħajja”, sostna l-Kap tal-PN.

Hu appellalu li jinsa l-pika u jieħu d-deċiżjoni li turi li jħaddan id-dehen li għandu jkollu min imexxi pajjiżna u tieħu d-deċiżjoni li ‘seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem.’ Favur il-ħajja, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.