Il-Messiku baqgħet tipprova sal-aħħar iżda finalment ma laħqitx it-tragward li tikkwalifika mal-aħħar 16. Huma kellhom prestazzjoni mill-aqwa iżda ħallew l-aħjar tagħhom għall-aħħar 45 minuta tat-tliet logħbiet tal-grupp.
Il-Messikani ħarġu mill-ewwel ifittxu l-gowl u wara tliet minuti kellu jkun il-gowlkiper tal-Arabja Sawdija Mohammed Khalil Al Owais li ħareġ jimblokka bi bravura fuq Alexis Vega. L-Arabja Sawdija wieġbet fit-tmien minuta b’xutt ta’ Mohamed Ibrahim Kanno li għadda għoli.
Ftit wara, free-kick ta’ Salem Al Dawsari għadda ftit għoli. Okkażjoni tajba għall-Messikani fis-27 minuta meta b’daqqa ta’ ras fl-arja ta’ Orbelin Pineda li iżda ġiet blokkata fil-ħin.
Il-Messiku kellha l-aqwa bidu possibbli għat-tieni taqsima hekk kif wasal il-gowl tal-vantaġġ fis-47 minuta. Minn korner mix-xellug, id-difensur Cesar Montes xellef il-ballun fid-direzzjoni ta’ sieħbu HENRY MARTIN li kompla l-ballun għal ġewwa mill-viċin.
It-tim ta’ Gerardo Martino rdoppja ħames minuti wara b’wieħed mill-isbaħ gowls ta’ din l-edizzjoni. LUIS CHAVEZ ma tax ċans lil Al Owais bi ġmiel ta’ free-kick għar-rokna.
Minkejja dan il-vantaġġ, il-Messiku kellha bżonn tal-anqas gowl ieħor u f’mument minnhom kienu biss żewġ karti sofor li kienu qed jifirduhom minn mal-Polonja. Chavez kellu free-kick ieħor fit-72 minuta iżda din id-darba Al Owais salva b’mod spettakolari.
Uriel Antuna kien ħaseb li skorja t-tielet gowl fit-88 minuta iżda l-gowl tħassar għal offside. Il-Messikani tefgħu kollox fuq l-attakk biex jiskorjaw il-gowl li kien fadlilhom iżda sofrew id-daqqa mortali fil-95 minuta. SALEM AL DAWSARI ħabbat il-ballun ma’ Hattan Bahebri u minn quddiem Guillermo Ochoa ma żbaljax.
//= $special ?>