Lokali Parlament

Il-Ministru Galdes jikkonferma li qabel l-elezzjoni tqassmu kuntratti ta’ djar tal-gvern

Il-Ministru Responsabbli għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ikkonferma li propju qabel l-elezzjoni ġenerali nbtagħtu kuntratti lil persuni biex dawn jingħataw post.

Il-Ministru Gades kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari supplimentari tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li fil-ħin tal-mistoqsijiet tas-seduta tal-lum kien qed jistaqsi dwar is-settur tad-djar.

Karol Aquilina staqsa kif jispjega li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali dawn il-persuni mid-distrett tal-Ministru Galdes irċevew ittra li tikkonferma li kienu se jingħataw post tal-Gvern. Il-Ministru Galdes wieġeb li din l-ittra fil-fatt kienet il-kuntratt biex dawn il-persuni jingħataw post tal-gvern. Hu qal li din ma ntbagħtitx biss lil persuni mid-distrett tiegħu.

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo staqsa wkoll dwar kemm idumu biex ikunu solvuti każi ta’ vjolenza domestika fejn persuna tapplika għal post. Il-Ministru Galdes wieġeb li hemm diversi skemi i fihom il-gvern iħallas anki l-kirjiet biex il-persuni vittmi tal-vjolenza domestika jkunu jistgħu jikru propjetà.

Fuq mistoqsija oħra, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa lill-Ministru Galdes jikkonfermax li qabel l-aħħar elezzjoni, numru ta’ canvassers tal-Ministru Galdes għamlu wegħdiet favur familji tagħhom għal postijiet tal-gvern.

Il-Ministru Galdes wieġeb li jekk id-deputat Nazzjonalista għandu din l-informazzjoni jmur għand il-pulizija.