Il-President George Vella qal lin-nies qrib tiegħu li lest jirriżenja jekk il-Parlament japprova l-emenda fil-liġi tal-abort kif proposta mill-gvern. Sorsi qalu lill-ġurnal Times of Malta li l-President huwa mħasseb prinċipalment li l-bidla proposta tippermetti t-tmiem ta’ tqala meta s-saħħa tal-mara, aktar milli ħajjitha, titqies li tkun f’riskju.
L-abbozz bħalissa għaddej mit-tieni qari fil-Parlament iżda l-kliem xorta jista’ jiġi emendat fl-istadju tal-kumitat fil-jiem li ġejjin. Kull abbozz jeħtieġ li jiġi ffirmat mill-President qabel ma jsir liġi. Jekk Vella jirriżenja, ikun l-ewwel President fl-istorja li jagħmel dan.
Il-Parlament aktarx se jieħu vot fuq l-abbozz sad-19 ta’ Diċembru, qabel il-vaganzi tal-Milied. Sorsi qalu wkoll li l-President jinsab imħasseb dwar l-impatt fuq l-edizzjoni ta’ L-Istrina ta’ din is-sena jekk jirriżenja. Bħalma hi tradizzjoni, il-maratona annwali ta’ ġbir ta’ fondi hija skedata għas-26 ta’ Diċembru.
Vella, li huwa tabib ta’ professjoni, dejjem kien sod fil-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort u, bħala President, saħaq pubblikament li jirriżenja jekk il-Parlament jgħaddi abbozz ta’ liġi dwar l-abort. Meta f’Mejju tas-sena l-oħra, l-eks deputat indipendenti Marlene Farrugia ressqet abbozz ta’ liġi privat biex jiġi dekriminalizzat l-abort, Vella kien qal lil Net News li jopponi l-abort mingħajr eċċezzjonijiet għax l-ebda qtil mhuwa ġustifikabbli.
//= $special ?>