Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Konfront dirett bejn l-Awstralja u d-Danimarka

(Ritratt: EPA)

16:00 – GRUPP D – AWSTRALJA V DANIMARKA

Dan hu l-aħħar ċans għad-Danimarka biex tevita eliminazzjoni bikrija. Għalkemm il-prestazzjonijiet ma kinux diżappuntanti però żgur li kien mistenni aktar minnhom speċjalment fl-ewwel konfront kontra t-Tuneżija. Il-kowċ Kasper Hjulmand li din l-edizzjoni tkun simili ta’ dak li seħħ fl-aħħar Kampjonat Ewropew meta kienu tilfu l-ewwel żewġ logħbiet u għaddew b’rebħa fl-aħħar logħba. L-Awstralja għandha l-vantaġġ matematiku qabel il-logħba u qed tfittex li tagħmilha mal-aħħar 16 għat-tieni darba biss fl-istorja. Huma ġejjin minn rebħa minima kontra t-Tuneżija u l-kwalifikazzjoni tkun kisba kbira, speċjalment meta wieħed iqis kemm sabuha diffiċli biex ikkwalifikaw.

16:00 – GRUPP D – TUNEŻIJA V FRANZA

Wara li diġà kkonfermaw post mal-aħħar 16, Franza tħares lejn il-konfront kontra t-Tuneżija minn lenti differenti. Din il-logħba tista’ tkun opportunità għall-kowċ Didier Deschamps li jserraħ xi plejers regolari bi preparazzjoni għall-aħħar 16. It-Tuneżija għad għandha ċans tikkwalifika iżda trid tegħleb lill-aħħar rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja. Huma għadhom iridu jsibu x-xibka għall-ewwel darba f’din l-edizzjoni u dan il-fattur jagħmel il-kwalifikazzjoni diffiċli speċjalment minħabba l-kwalità tal-avversarji.