Internazzjonali

L-Afganistan: Studenti maqtula minn splużjoni fi skola tar-reliġjon

Talanqas 15 – fil-parti kbira tfal studenti – tilfu ħajjithom fi splużjoni li ħalliet ħerba fi skola li tgħallem ir-reliġjon u li tinsab f’Aybak, fil-provinċja ta’ Samangan. Mhux eskluż li l-ammont tal-mejtin u midruba jista’ jitla’ sew, bl-awtoritajiet tat-Taliban qed jagħlqu kull aċċess għaz-zona.

Kelliema għar-reġim Talibani, li ħa l-kontroll mill-ġdid tal-pajjiż wara nuqqas ta’ 20 sena, qalu li l-ammont tal-midruba hu ‘sinifikanti’ iżda ma riedux jagħtu aktar dettalji. Dan meta l-ebda grupp ta’ militanti ma assuma responsabbiltà għall-bomba fl-iskola.

Qed jingħad li l-isplużjoni seħħet  f’ħin meta l-istudenti kienu ħerġin minn parti tal-kumpless riservata għat-talb. Intant, it-tobba li marru fuq il-post irreferew għall-vittmi bħala ‘tfal tal-iskola u nies ordinarji’ .

Il-Ministeru tal-Intern f’Kabul ikkonferma li l-qawwiet tas-sigurtà tat-Taliban kienu qed jinvestigaw l-attakk u fost stqarrija li ‘il-qattiela se jeħlu l-piena dovuta ladarba jkunu identifikati’.

Fl-Afganistan seħħew diversi splużjonijiet tipiċi mindu t-Taliban ħataf il-poter mill-ġdid matul is-sajf tal-2021. Il-parti kbira tal-attakki tmexxew mill-fergħa tal-grupp terroristiku ISIS li fl-aħħar snin rabbiet l-għeruq sew f’dan il-pajjiż.