Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-Arġentina jiddominaw u jirbħu faċilment…il-Pollakki jikkwalifikaw bid-differenza tal-gowls

(Ritratt:EPA)

Polonja 0-2 Arġentina

Kif kien mistenni, l-Arġentina għamluha mal-aħħar sittax meta f’partita ddominata minnhom għelbu faċilment lill-Polonja 2-0. Minn naħa l-oħra l-Pollakki rnexxielhom jgħaddu wkoll bid-differemza tal-gowls wara li l-Arabja Sawdija skorjaw gowl kontra l-Messiku hekk kif sa dak il-hin il-Pollakki xorta kienu qed jikkwalifikaw iżda b’regola oħra, dik tad-dixxiplina.

Wara 11-il minuta l-Argentina fuq l-offensiva permezz ta’ Lionel Messi li wara li qabeż żewġ plejers prova xutt minn qagħda angolata b’Szczesny jdawwar f’korner.

Nofs siegħa logħob u l-Albiceleste għal darb’oħra perikolużi meta l-ewwel kien Alvarez li kellu xutt mill-viċin blukkat biex fit-tieni tentattiv Acuna ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra.

Fis-36 minuta Julian Alvarez jipprova xutt mix-xellug li kien milqugħ parzjalment minn Szczesny bil-ballun jerġa f’saqajn Alvarez li din id-darba jitfa’ kross lejn Lionel Messi b’Szcesny joħroġ u jidher jolqot lil plejer ta’ PSG.

Ir-referee jivverifika mal-VAR u jiddeċiedi li jagħti l-penalty lill-Arġentina. Mill-11-il metru kien is-solitu Lionel Messi li ra x-xutt tiegħu ikun milqugħ bi bravura mill-goalkeeper ta’ Juventus.

L-Arġentini ħarġu bl-istess andament fit-tieni taqsima u wara biss minuta fetħu l-iskor meta Alexis Mac Allister għeleb lil Szczesny wara kross ta’ Nahuel Molina.

60 minuta logħob u l-awtur tal-gowl Mac Allister jirċievi pass mingħand De Paul u b’xutt fil-baxx impenja lil Szczesny li din id-darba laqa’ tajjeb.

L-Arġentina rduppjaw fit-68 minjta meta Enzo Fernández għadda lejn Julian Alvarez li b’xutt mill-isbaħ għeleb lil Szczesny għal 2-0.

Ikompli d-dominju Arġentin u fil-71 minuta Messi jipprova xutt fil-baxx iżda faċli għal Szczesny.

Żewġ minuti wara Lionel Messi b’pass mill-isbaħ lejn Alvarez li ħarab lid-difiża iżda l-konklużjoni tal-plejer ta’ Manchester City ħabtet mal-ġenb tax-xibka.

Żewġ minuti fuq il-ħin miżjud il-Pollakki għoddhom qalgħu gowl meta Gagliafico qabbeż minn fuq Szczesny iżda sab lil Kiwior li bir-ras qala’ minn fuq il-linja. Skor finali 2-0 favur l-Arġentina.