Lokali Saħħa

“L-emendi jridu jħarsu lill-omm u lit-tarbija fil-ġuf ukoll” – L-MUMN titlob laqgħa ma’ Abela

Permezz ta’ stqarrija l-MUMN talbet laqgħa urġenti mal-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne dwar l-emenda fil-liġi tal-abort li tippermetti t-terminazzjoni ta’ tqala meta s-saħħa tal-mara tkun f’periklu

L-MUMN qalet li l-abbozz propost iqajjem it-tħassib tal-infermiera u l-qwiebel li huma partijiet interessati u dan it-tħassib jeħtieġ li jiġi indirizzat qabel ma l-abbozz isir liġi.

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel saħqet li l-abbozz jirrikjedi li jkun miktub b’mod li verament jissalvagwardja lill-omm f’sitwazzjonijiet ta’ theddida għall-ħajja iżda jrid jara wkoll li d-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf ikunu mħarsa wkoll.

Saħqu li mhux ġust li jiġu injorati l-partijiet interessati li jridu jassistu fi proċeduri tal-abort.

L-MUMN infurmat lill-membri tagħha li fil-jiem li ġejjin se ssir laqgħa mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mal-Ministru tas-Saħħa. L-MUMN se tkun qed tgħaddi l-proposti tagħha biex tissalvagwardja kemm il-ħajja tal-omm kif ukoll tat-tarbija fil-ġuf.