Lokali

L-MNPN torganizza diskussjoni bħala parti minn kampanja ta’ 16-il ġurnata kontra l-vjolenza domestika

L-Erbgħa, fil-Parlament, l-MNPN organizzat diskussjoni bit-tema “Il-Vjolenza Domestika fis-soċjetà – Tama u Ħajja Aħjar”

Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-PN Bernard Grech tenna li huwa ċar li l-liġijiet waħedhom m’humiex biżejjed. U hawn kriżijiet soċjali kbar. Huwa tenna li jeħtieġ li nagħtu widen veru għall-vittmi, fejn l-awtoritajiet jisimgħu b’kawtela lill-vittmi u jagħmlu minn kollox biex jassistu.

Il-Kap tal-PN qal li f’soċjetà Maltija jeħtieġ li fejn hu tajjeb ngħidu li tajjeb, iżda ma nibżgħux nikkritikaw fejn hemm bżonn, għax meta ssir kritika, is-sitwazzjoni tittejjeb.

Huwa qal li l-Gvern jinsab mitluf… minflok jaġixxi, minflok jara kif se jtejjeb is-sitwazzjoni anki fil-Qrati, qiegħed  ifalli biex jagħmel dak meħtieġ biex l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jibdew jiffunzjonaw kif huwa xieraq. Bernard Grech qal li jeħtieġ li l-vittmi mill-ġdid ikollhom fiduċja fl-istituzzjonijiet, u minn dawn, iħossuhom protetti.

Tul id-diskussjoni tkellmu wkoll il-Prof. Anne Borg u l-Psikologu Nicholas Briffa fejn tennew li l-vjolenza domestika hija sfida reali, li bosta qed ibatu fis-silenzju. Huma appellaw biex dawk li qed ibatu minn dan kollu, ma jibqgħux siekta, iżda jitkellmu, filwaqt li tennew li jeħtieġ li jkun hemm bidla fil-mod kif wieħed jireaġixxi għall-vjolenza domestika u kif wieħed jista’ jagħti l-għajnuna.

Id-diskussjoni li ttellgħat kienet parti minn kampanja ta’ 16-il ġurnata għal aktar għarfien dwar il-vjolenza domestika, bl-MNPN qed tagħmel dan biex issaħħaħ l-għarfien, filwaqt li tappella għal politika ta’ fejda fil-konfront ta’ dan is-suġġett.  

Apparti għadd ta’ membri tal-MNPN, preżenti għal din il-laqgħa kien hemm mart il-Kap tal-PN, Anne Marie Grech, kif ukoll id-Deputati Claudette Buttigieg, Graziella Galea, Eve Borg Bonello, Bernice Bonello, Paula Mifsud Bonnici, Ivan Castillo u Graziella Attard Previ.