Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Rebħa inutili għat-Tuneżija kontra Franza

(Ritratt: EPA)

Grupp C – Tuneżija 1-0 Franza

B’formazzjoni drasitkament mibdula, hekk kif Deschamps għażel li jserraħ ħafna mill-aqwa plejers tiegħu, it-Tuneżija għelbu lil Franza 1-0 anke jekk fit-tieni taqsima l-kowċ Franċiż daħħal uħud minn dawn il-plejers bit-tama li jevita telfa. Din ir-rebħa ma swiet xejn ħlief li t-Tuneżin spiċċaw l-avventura tagħhom fuq nota pożittiva heek kif kienu l-Awstralja li kwalifikaw ma’ Franza wara rebħa ta’ 1-0 fuq id-Danimarka.

Wara tmien minuti t-Tuneżin irnexxielhom isibu x-xibka permezz ta’ Nader Ghandri li rċieva kross minn free-kick iżda għalxejn kien il-ferħ tad-difensur Tuneżin hekk kif il-gowl kien imħassar għal offside.

Fil-25 minuta Fofana jgħaddi ballun lil Koman li żmarka ruħu tajjeb iżda waħdu mal-goalkeeper il-plejer ta’ Bayern Munich tefa’ barra. Għaxar minuti wara Mandanda kellu jwettaq save tajjeb fuq xutt minn qagħda angolata ta’ Wahbi Khazri b’din tkun l-aħħar azzjoni denja ta’ nota fl-ewwel taqsima.

It-Tunieżin ħarġu jfittxu l-gowl tal-vantaġġ fit-tieni taqsima u fit-53 minuta xutt perikoluż ta’ Alissa Laidouni jgħaddi ftit barra.

Ħames minuti wara t-Tuneżija marru minn fuq. Kien Alissa Laidouni li seraq ballun lil Fofana f’nofs pitch u qassam lil Wahbi Khazri li avvanza fil-kaxxa fejn b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Mandanda.

Wara dan il-gowl Didier Deschamps daħħal uħud mill-aqwa plejers tiegħu bħal Mbappe, Dembele, Griezmann u Rabiot u fl-aħħar sekondi tal partita s-sostitut Antione Griezmann sab ix-xibka iżda l-gowl kien imħassar għal offside wara verifika mill-VAR. Fit wara waslet it-tisfira finali u t-Tuneżija ħarġu rebbieħa għalkemm dan ma’ sewa xejn hekk kif fil-partita l-oħra l-Awstralja ħarġu rebbieħa u għamluha għall-fażi li jmiss.