Lokali Saħħa

Abela jibqa’ jinsisti bil-liġi tal-abort minkejja t-tħassib ta’ aktar minn 450 tabib u espert

450 tabib. 80 espert u akkademiku. 44 għaqda, fosthom il-Kamra tal-Ispiżjara. Il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca.

Dawn u bosta oħrajn ilhom għal dawn l-aħħar jiem jappellaw lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jekk verament ma jridx idaħħal l-abort f’pajjiżna, ħaġa li l-poplu ma tahx mandat biex jagħmel, jemenda l-liġi li qed jipproponi.

L-esperti saħqu li kif inhi magħmula l-liġi mhux biss tiftaħ lok għal kwalunkwè eventwalità ta’ periklu ta’ saħħa…jiġifieri kemm fiżika kif ukoll mentali, iżda anke t-terminazzjoni tat-tqala – fi kliem sempliċi, il-qtil tat-tarbija fil-ġuf, li tista’ titwettaq anke fid-disa’ xahar tqala.

Doctors for Life spjegaw li aktar minn 450 tabib iffirmaw petizzjoni li tappoġġja klawżola għal-liġi kif proposta mill-esperti. L-istess 80 espert li ġejjin minn kull qasam tas-soċjetà – esperti fil-qasam legali, mediku u anke tal-filosofija li qed jisħqu li l-emenda kif iridha miktuba Robert Abela qed tiftaħ tieqa għall-abort f’pajjiżna.

Bit-tħassib dwar din il-liġi jasal ukoll mill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca.

Il-Ħamis filgħodu, minkejja li għad-differenza ta’ attivitajiet oħrajn il-Prim Ministru għal xi raġuni ma ħariġx sejħa għal media…Net News mar jistaqsi lil Robert Abela fi tmiem żjara li kellu.

Bid-domanda tkun, jekk dawn it-tobba u professjonisti kollha hux żbaljati u hu biss għandu raġun. Bil-Prim Ministru jibqa’ jsabbat saqajh..għal darba, darbtejn.

Matul il-jum tal-Erbgħa, il-ġurnal Times of Malta rrapporta li saħansitra l-President tar-Repubblika George Vella nnifsu lest jirriżenja la darba din l-emenda tiġi preżentata quddiemu sabiex japprovaha. Aħbar li sa 24 siegħa wara baqgħet ma ġietx miċħuda mill-Uffiċċju tal-President…possibbilta’ li kien qalilna biha l-President innifsu lura f’Mejju tas-sena l-oħra.

Għaldaqstant il-Prim Ministru Robert Abela jidher li se jibqa jiġi jaqa’ u jqum minn dak li qed jgħidulu l-esperti u l-akkademiċi. Karatteristika rikorrenti tal-Gvern tal-Labour hekk kif fl-aħħar jiem sar magħruf li Abela ilu sena jostor studju dwar il-vjolenza domestika f’pajjiżna.

Studju kkummissjonat mill-Gvern nnifsu u li sewa €20,000. Studju mwettaq mill-aqwa akkademiċi fis-settur. Studju li sakemm ilu jistenna fuq l-ixkaffa jiekol it-trab biex jiġi ppubblikat laħqu nqatlu brutalment żewġ persuni oħra..kawża ta’ vjolenza domestika.