Lokali

Adrian Delia jappella lill-President George Vella biex ma jaħrabx mir-responsabbiltà

“Imxi skond il-kuxjenza, ibqa’ sod, tħares lejn wiċċ ħadd. Dan huwa l-mument tal-għażla u mhux tal-ħarba. Ħlift ħalfa lejn il-kostituzzjoni u mhux lejn il-Gvern tal-ġurnata. Iċċedix”.

Sostna dan id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia f’ittra uffiċjali indirizzata lill-President tar-Repubblika George Vella fejn appellalu sabiex bħala persuna u bħala tabib li ħalef sabiex isalva l-ħajjiet kif ukoll bħala President tar-Repubblika – jibqa’ sod u ma jħares lejn ħadd u xejn iżda wisq aktar…ma jabdikax mir-responsabbiltà nobbli tiegħu.

Adrian Delia talbu sabiex jimxi skond il-kuxjenza u ma jċedix u jaħrab..iżda jagħmel il-poplu kburi bih.

Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li meta 3 snin ilu kienu għaddejjin id-diskussjonijiet dwar il-ħatra ta’ President ta’ Malta George Vella kien mhux biss gawda l-fiduċja miż-żewġ terzi, iżda gawda il-fiduċja b’vot unanimu mill-Kamra tad-Deputati.

Huwa saħaq li dak iż-żmien George Vella kien insista li qatt ma kien se jkun dispost jiffirma liġi li tippermetti l-qtil ta’ trabi fil-ġuf.

Għaldaqstant Adrian Delia appellalu sabiex ma jibżax u jkun leali għal kostituzzjoni u għal poplu Malti u Għawdxi.