Lokali

Bernard Grech ippreżentat b’rapport mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri

“Il-ħidma tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija importanti ħafna sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikollhom serħan tal-moħħ kif qegħdin jintefqu l-fondi Ewropej li jiġu allokati u biex l-Unjoni Ewropea tkun eqreb lejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi membri.”

Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta ltaqa’ mal-membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri George Hyzler waqt laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista l-Ħamis waranofsinhar.

Matul din il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ġie ppreżentat b’kopja tar-rapport tal- Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Minn naħa tiegħu, George Hyzler qal li rapporti bħal dan tal-ECA huma importanti u jgħinu sabiex issir diskussjoni, mhux biss dwar il-ħarsien tal-perferija u l-fruntieri Ewropej imma wkoll fil-kuntest tal-investiment li għandu jsir u r-riżorsi li għandhom jiġu allokati.

George Hyzler enfasizza l-bżonn li r-Rapporti Speċjali tal-Qorti Ewropea jaslu għand l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern ta’ kull Stat Membru.

Dan sabiex ix-xogħol tal-Qorti jwassal għal valur miżjud fl-operat tal-gvernijiet speċjalment billi tissaħħaħ il-governanza tajba fl-użu ta-riżorsi provduti mill-Kummissjoni Ewropea.