Lokali

Għada jiftaħ Misraħ il-Milied fid-Dar Ċentrali

Id-Dar Ċentrali tal-PN bdiet bil-mod il-mod tilbes il-libsa tal-festi, hekk kif bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-ftuħ uffiċjali ta’ Misraħ il-Milied.

Minn dekorazzjonijiet, għal ponsjetti, u s-siġra tal-Milied – il-binja se tkun qed tinxtgħel kollha dwal.

U ma jistax jonqos esebizzjoni ta’ presepji, fosthom dawk ta’ Victor Caruana li tilef ħajtu ftit tax-xhur ilu… Victor kien attiv ferm fil-Partit Nazzjonalista fejn serva għal diversi snin bħala Kunsillier fil-lokalità ta’ Ħal Luqa.

Is-Sibt li ġej se jkun hemm attività għat-tfal – b’karattru ta’ Disney, logħob għat-tfal u anke dawra bit-trackless train mid-Dar Ċentrali sal-Belt. Imbagħad… filgħaxija se tittella’ lejla ta’ żfin u kant.

Eżatti tliet ġimgħat qabel il-Milied, fl-4 ta’ Diċembru se jkunu qed jinfetħu l-istands filwaqt li se jkun hemm spettaklu ta’ kant u żfin mid-dinja tal-Orjent.

L-istands b’bejgħ ta’ ponsjetti, ħelu u xorb tradizzjoni tal-Milied, fost l-oħrajn se jibqgħu miftuħin tul ix-xahar kollu ta’ Diċembru.

Fil-5 ta’ Diċembru ser issir serata ddedikata lill-eks Membri Parlamentari filwaqt li l-għada ser issir serata ta’ Maġija minn numru ta’ illużjonisti Maltin.

Imbagħad, nhar il-festa tat-8 ta’ Dicembru…. il-Partit Nazzjonalista se jkun qed itella’ Maratona Ġbir ta’ Fondi.