Internazzjonali

Iċ-Ċina: Jonqsu l-lockdowns fl-ibliet wara l-protesti…u fost U-turn umiljanti għal Xi Jinping

L-awtoritajiet komunisti fiċ-Ċina qegħdin jibdlu l-politika riġida biex tillimita l-movimenti tan-nies minħabba l-Covid. Fil-fatt, jidher li l-isplużjoni ta’ protesti kontra din il-miżura ħallew l-effett mixtieq fost il-poplu anki jekk iċ-Ċina għadha qed tirreġistra, kuljum, l-ammonti għoljin tal-każi tal-virus.

Għexieren ta’ distretti fl-ibliet ewlenin ta’ Shanghai u Guangzhou, fl-aħħar sigħat  kienu dikjarati ħielsa mill-miżuri tal-lockdown minkejja li z-zoni kienu indikati fost ‘l-akbar ċentri tal-epidemija’. Dan waqt li l-Viċi-Prim Ministru Ċiniż, Sun Chunlan, ħabbar li l-pajjiż qed jiffaċċja sitwazzjoni ġdida – fost il-kummenti li l-virus qed jitlef mis-saħħa.

Intant, l-osservaturi qalu li l-U-turn tal-awtoritajiet komunisti aktar għandu x’jaqsam mar-rabja tal-poplu u l-fatt li d-dimostranti waqt l-aħħar protesti sejħu pubblikament biex il-President Ċiniż Xi Xinping iwarrab mill-poter….Din is-sejħa hi kważi bla preċedent u l-miżuri riġidi tal-Gvern għall-kontroll tal-Covid servew ukoll biex jixprunaw ir-rabja u l-protesti f’numru sostanzjali ta’ bliet.

Il-belt ta’ Guangzhou , issa, qed tieħu nifs ġdid, proprju sigħat wara protesti vjolenti fl-inħawi u waqtiet ta’ ġlied bejn il-pulizija u d-dimostranti. Intant, l-awtoritajiet f’komunità partikulari fil-qalba ta’ Beijing qed iħallu lin-nies bis-sintomi ħfief tal-Covid jibqgħu f’darhom mingħajr l-impożizzjoni ta’ lockdowns għal  komunitajiet sħaħ bħalma kien qed isir fl-aħħar ġimgħat.

U waqt li l-awtoritajiet komunisti qed jgħidu li l-pajjiż, issa, qed jiffaċċja impenji ġodda għall-prevenzjoni tal-epidemija fost il-programmi tat-tilqim ġenerali, is-sitwazzjoni qed titqies ukoll bħala umiljanti għal Xi Jinping li sa din il-ġimgħa stess kien baqa’ jinsisti dwar politika stretta biex taċċerta ‘zero każi tal-Covid,  irrispettivament mit-tbatija u l-frustrazzjoni tal-poplu.