Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Il-Ġappun jegħlbu lil Spanja u jikkwalifikaw magħhom

(Ritratt: EPA)

F’partita li fl-ewwel taqsima kienet kompletament iddominata mill-Ispanjoli, il-Ġappun irnexxielhom idawwru telfa f’rebħa u wetqu t-tieni sorpriża tagħhom f’din il-kompetizzjoni b’rebħa impressjonanti fuq Spanja li waslet permezz ta’ żewġ gowls fit-tieni taqsima. B’dan ir-riżultat, kontra kull mistenni, il-Ġappun temmew fl-ewwel post b’sitt punti, bl-Ispanjoli ukoll jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss bit-tieni post b’total ta’ 4 punti.

L-Ispanjoli ħarġu fuq l-attakk minnufih hekk kif dehru li ser jiddominaw il-partita, bl-istess mod li kienu superjuri fiż-żewġ logħbiet ta’ qabel. L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet mill-Ispanjoli wara biss sitt minuti logħob meta Sergio Busquets ittanta xortih b’xutt minn barra l-kaxxa iżda l-midfielder ta’ Barcelona xeħet barra. Kien imiss lill-Ġappun li jipprovaw isibu x-xibka meta minn żball ta’ Busquets, Ito prova jikkonkludi iżda x-xutt ma kienx tajjeb biżejjed.

L-Ispanjoli komplew jilgħabu l-logħba tagħhom fejn żammew il-pussess u provaw isibu l-ispazju biex jattakkaw iżda d-difiża Ġappuniża rreżistiet tajjeb. Spanja baqgħu jattakkaw u marru fil-vantaġġ wara 11-il minuta logħob meta Alvaro Morata b’daqqa ta’ ras għeleb lil Gonda wara kross tad-difensur laterali Cesar Azpilicueta. Wara l-gowl ta’ Morata l-andament tal-logħba baqgħa favur l-Ispanjoli, madankollu l-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima baqa’ dak ta’ 1-0.

Il-Ġappun ħarġu jattakkaw mill-ewwel u dan swielhom ta’ ġid meta ftit tal-minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima s-sostitut Ritsu Doan kiseb id-draw b’xutt minn barra l-kaxxa li għeleb lil Unai Simon li ma rnexxielux iżomm il-ballun. Il-Ġappuniżi reġgħu ħasdu l-avversarji meta ftit mumenti wara marru fil-vantaġġ, Ao Tanaka xeħet ġewwa minn kross ta’ Kaoru Mitoma. Ir-referee Victor Gomes iddeċieda li l-gowl kellu jiġi kkonsultat mal-VAR, iżda b’xortihom tajba l-gowl ġie approvat u l-Ġappuniżi marru fil-vantaġġ f’temp ta’ ftit minuti.

Il-Ġappun komplew jippressaw fuq id-difiża Spanjola hekk kif l-Ispanjoli komplew jilagħbu l-ballun bil-kalma kollha u jfittxu l-mument opportun biex jattakkaw. L-Ispanjoli ħasbu li sabu ċ-ċans perfett biex jġibu d-draw meta fid-90 minuta Dani Olmo sab ruħu quddiem il-lasta minn pass ta’ Ferran Torres iżda l-attakkant ta’ Leipzig ma rnexxielux jegħleb lil Gonda. Iċ-ċans mitluf minn Dani Olmo kien l-aħħar azzjoni denja ta’ nota u b’hekk il-logħba ntemmet f’rebħa għall-Ġappun li ser jaffrontaw lil-Kroazja fir-rawnd li jmiss.